L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Neħdilhom minn taħt idejhom in-nagħaġ tiegħi u ma jirgħux iżjed ir-rgħajja lilhom infushom.

Eżek 34, 1-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: “O bniedem, ħabbar kontra r-rgħajja ta’ Iżrael. Ħabbar u għidilhom lir-rgħajja: Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Ħażin għalihom ir-rgħajja ta’ Iżrael li jirgħu lilhom infushom! Jaqaw mhux lin-nagħaġ jirgħu r-rgħajja? Intom tixorbu l-ħalib u tilbsu s-suf tagħhom, toqtlu n-nagħaġ imsemmna, u l-merħla ma tirgħuhiex. Id-dgħajfa ma saħħaħtuhiex, u l-marida ma fejjaqtuhiex, u l-midruba ma dewwejtuhiex, ’l dik li tbiegħdet ma ġibtuhiex lura, lanqas ma fittixtu l-mitlufa. Imma mexxejtuhom b’saħħa u qalb iebsa. U huma xterdu għax ma kellhomx ragħaj; u saru l-ikel ta’ kull bhima selvaġġa u xterdu. Intilfet il-merħla tiegħi fuq kull muntanja u fuq kull għolja; ma’ wiċċ l-art kollha xterdet il-merħla tiegħi, u ma hemm ħadd min jistaqsi għaliha, ma hemm ħadd min ifittixha. Għalhekk, ja rgħajja, isimgħu l-kelma tal-Mulej. Daqs kemm jien ħaj, jgħid Sidi l-Mulej, billi l-merħla tiegħi waqgħet priża, u saret il-merħla tiegħi l-ikel ta’ kull bhima selvaġġa għax ma kienx hemm ragħaj, u billi r-rgħajja tiegħi ma fittxewx il-merħla tiegħi, u r-rgħajja qagħdu jirgħu lilhom infushom bla ma jirgħu l-merħla tiegħi, għalhekk, ja rgħajja, isimgħu l-kelma tal-Mulej. Hekk jgħid Sidi l-Mulej: Arawni ġej għar-rgħajja, neħdilhom minn taħt idejhom in-nagħaġ tiegħi, u ma nħallihomx jirgħu iżjed il-merħla. U ma jirgħux iżjed ir-rgħajja lilhom infushom. Għax dan jgħid Sidi l-Mulej: Arawni, hekk jien se nfittex in-nagħaġ tiegħi u nieħu ħsiebhom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 22 (23), 1-3a.3b-4.5.6

 

R/. (1): Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni

 

Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi,

xejn ma jonqosni;

f’mergħat kollha ħdura jqegħedni.

Ħdejn l-ilma, fejn nistrieħ, jeħodni;

hemm hu jrejjaqni. R/.

 

Imexxini fit-triq tas-sewwa

minħabba l-isem tiegħu.

Imqar jekk nimxi f’wied mudlam,

ma nibżax mill-ħsara, għax inti miegħi.

Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek,

huma jwennsuni. R/.

 

Int tħejji mejda għalija

quddiem l-għedewwa tiegħi.

Biż-żejt tidlikli rasi,

u l-kalċi tiegħi tfawwarli. R/.

 

Miegħi, iva, jimxu t-tieba u l-ħniena

il-jiem kollha ta’ ħajti.

U ngħammar f’dar il-Mulej

sakemm indum ħaj! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?

Mt 20, 1-16a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kuljum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru. Raġa’ ħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess. Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġa’ ħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?”. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”. Għal filgħaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: “Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed.

 

Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għmlu, u int qisthom bħlna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħna!”. Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqskemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?”. Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu