Il-Ġimgħa fuq it-tieni Ħadd wara Għid il-Ħamsin

Il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù

Solennità

 

Qari I

Il-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom.

Dewt 7, 6-11

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

F’dak iż-żmien Mosè kellem lill-poplu u qal: Inti poplu qaddis għall-Mulej, Alla tiegħek; minn fost il-popli kollha li jinsabu fuq wiċċ l-art, lilek għażel il-Mulej, Alla tiegħek, biex tkun il-poplu miksub tiegħu.

 

U l-Mulej tgħaxxaq bikom u għażilkom, mhux għax kontu kbar fil-għadd iżjed minn kull poplu ieħor, għax intom l-iċken fil-għadd fost il-popli kollha, iżda l-Mulej għażilkom għax ħabbkom, u għax ried iżomm il-ħalfa li ħalef lil missirijietkom; kien għalhekk li l-Mulej, b’id qawwija, ħariġkom u fdiekom minn dar il-jasar, minn id il-Fargħun, is-sultan tal-Eġittu.

 

Agħraf, mela, li l-Mulej, Alla tiegħek, hu Alla; Alla l-fidil, li jżomm għal elf nisel il-patt u t-tjieba tiegħu ma’ ħbiebu u ma’ dawk li jħarsu l-kmandamenti tiegħu; imma jitħallas f’wiċċhom stess mill-għedewwa tiegħu billi jeqridhom; ma joqgħodx jitlajja ma’ l-għadu tiegħu, imma f’wiċċu jitħallas minnu.

 

Ħares, mela, il-kmandamenti u l-liġijiet u d-digrieti li jiena llum qiegħed nordnalek, biex tagħmel kif jgħidu huma”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.6-7.8.10

 

R/. (17): It-tjieba tal-Mulej minn dejjem għal dejjem

 

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, lill-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu li jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u bil-ħniena. R/.

 

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,

u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.

Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,

l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

 

Ħanin u twajjeb il-Mulej,

idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

 

Qari II

Alla ħabbna qabel ħabbejnieh aħna.

1 Ġw 4, 7-16

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Ġwann Appostlu

 

Għeżież, ejjew inħobbu lil xulxin, għax l-imħabba ġejja minn Alla, u kull min iħobb hu mwieled minn Alla u jagħraf lil Alla. Dak li ma jħobbx ma għarafx lil Alla, għax Alla hu mħabba. B’dan dehret l-imħabba ta’ Alla fina, għax Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni fid-dinja, biex ngħixu bih. U hawn qiegħda l-imħabba; mhux għax aħna ħabbejna lil Alla, imma għax ħabbna Hu u bagħat lil Ibnu biex ikun ta’ tpattija għal dnubietna.

 

Għeżież, jekk Alla ħabbna daqshekk, aħna wkoll għandna nħobbu lil xulxin. Lil Alla għadu ħadd ma rah, imma jekk inħobbu lil xulxin hu jgħammar fina, u mħabbtu ssib il-milja tagħha fina. B’hekk nafu li aħna ngħammru fih u Hu fina, għax tana sehem mill-Ispirtu tiegħu. Aħna rajna, u nagħtu xhieda, li l-Missier bagħat lil Ibnu s-Salvatur tad-dinja. Kull min jistqarr li Ġesù hu l-Iben ta’ Alla, Alla jgħammar fih u hu f’Alla. U aħna għarafna l-imħabba li Alla għandu għalina u emminnieha. Alla hu mħabba, u min jgħammar fl-imħabba jgħammar f’Alla u Alla fih.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 29ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni,

għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

Mt 11, 25-30

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien Ġesù qabad u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax inti dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf lill-Iben jekk mhux il-Missier, kif ħadd ma jagħraf lill-Missier jekk mhux l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu.

 

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu