Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid

Il-Ħamis

 

Qari I

Mhux ta’ min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla.

Atti 15, 7-21

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, wara diskussjoni twila, Pietru qam u qalilhom: “Ħuti, intom tafu li sa mill-ewwel jiem Alla għażilni minn fostkom biex minn fommi l-pagani jisimgħu l-kelma tal-Evanġelju u jemmnu. U dan xehdu Alla, li jagħraf il-qlub, billi tahom l-Ispirtu s-Santu bħalma tah lilna. Ma għamel ebda għażla bejnna u bejnhom, imma saffielhom qalbhom bil-fidi. Mela issa għaliex iġġarrbu lil Alla billi tridu tqiegħdu fuq għonq id-dixxipli madmad li la missirijietna u lanqas aħna ma flaħna nerfgħuh? Wara kollox aħna nemmnu li, bħalhom, aħna nsalvaw permezz tal-grazzja tal-Mulej Ġesù”.

 

Imbagħad waqa’ skiet fuq il-ġemgħa kollha. U qagħdu jisimgħu lil Barnaba u lil Pawlu jirrakkuntaw kemm sinjali u mirakli Alla kien għamel permezz tagħhom fost il-pagani. Meta waqfu huma, qam Ġakbu u qal: “Ħuti, isimgħuni. Xmun qalilna kif Alla sa mill-bidu ħaseb biex jiġbor minn fost il-pagani poplu li jkun tiegħu. Ma’ dan jaqbel kliem il-profeti, kif hemm

miktub: Wara dan nerġa’ niġi u nibni d-dar ta’ David, li ġġarrfet; nerġa’ ntella’ l-ħerba tagħha u nwaqqafha mill-ġdid, biex ifittxu l-Mulej il-bqija tal-bnedmin, u l-ġnus kollha li fuqhom issejjaħ ismi, jgħid il-Mulej, li għarraf dan kollu sa mill-qedem”. Għalhekk jien ngħid li mhux ta’ min idejjaqhom lill-pagani li jikkonvertu lejn Alla. Biss niktbulhom biex jitbiegħdu mill-ikel imniġġes bl-idoli, u miż-żwieġ ħażin, mil-laħam tal-annimali fgati u mid-demm. Għaliex sa mill-ewwel żminijiet kien hemm f’kull belt min ixandar il-Liġi ta’ Mosè u jaqraha fis-sinagogi kull nhar ta’ Sibt”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 95 (96), 1-2a.2b-3.10

 

R/. (ara 3): Xandru fost il-popli kollha l-għeġubijiet tal-Mulej

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għannu lill-Mulej għanja ġdida;

għannu lill-Mulej fl-art kollha!

Għannu lill-Mulej, bierku ismu! R/.

 

Ħabbru minn jum għal ieħor is-salvazzjoni tiegħu.

Xandru fost il-ġnus is-sebħ tiegħu,

fost il-popli kollha l-għeġubijiet tiegħu. R/.

 

Għidu fost il-ġnus: “Il-Mulej isaltan!”

Hu jżomm sħiħa d-dinja biex qatt ma titħarrek;

hu li jiġġudika l-popli bis-sewwa. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ibqgħu fi mħabbti, biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Ġw 15, 9-11

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu. Għedtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu