Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien.
Ġak 3, 1-10
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Ħuti, la ssirux ħafna minnkom għalliema, għax tafu li aħna li ngħallmu nkunu ġġudikati b’reqqa akbar. Aħna lkoll niżbaljaw, u ta’ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu. Aħna nqiegħdu l-ilġiem f’ħalq iż-żwiemel biex naħkmuhom, u bih immexxu ġisimhom kollu. Ħarsu wkoll lejn il-bastimenti: għad li jkunu kbar u jimxu mal-irjieħ qawwija, naqra ta’ tmun idawwarhom fejn irid ittmunier. Hekk ukoll l-ilsien: huwa biċċa ċkejkna fil-ġisem, imma jista’ jiftaħar li jagħmel ħwejjeġ kbar. Ara, ftit nar jista’ jqabbadlek foresta sħiħa, u l-ilsien huwa nar, huwa dinja ta’ ħażen fost il-membri ta’ ġisimna, iniġġes il-ġisem kollu u jkebbes ir-ritmu tal-ħajja, hu nnifsu mkebbes mill-infern.
Kull xorta ta’ bhejjem u għasafar, kull xorta ta’ bhejjem li jitkaxkru mal-art u ta’ ħut, dawn kienu u huma mmansati mill-bniedem. Iżda ħadd ma għandu ħila jimmansa l-ilsien; kollu deni, bla kwiet, mimli velenu li jġib il-mewt. Bih aħna nbierku lill-Mulej, lil Missierna, u bih nisħtu lill-bnedmin xbieha ta’ Alla. Minn ilsien wieħed joħorġu l-barka u s-saħta. Dan m’għandux ikun, ħuti!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 11, 2-3.4-5.7-8
R/. (8a): Int, Mulej, tieħu ħsiebna
Għajnuna, Mulej, għax m’hawnx aktar twajbin;
għabu s-sinċiera minn fost il-bnedmin.
Wieħed lil ieħor bil-gideb ikellem;
b’xufftejn qarrieqa, b’żewġt iqlub jitkellmu. R/.
Jaqta’ l-Mulej ix-xufftejn qarrieqa,
kull ilsien li jitkellem bil-kburija,
dawk li jgħidu: “Saħħitna fi lsienna,
kliem xufftejna magħna; min hu sidna?” R/.
Kliem il-Mulej kliem safi,
fidda mgħoddija min-nar,
seba’ darbiet imsoffija mit-trab.
Int, Mulej, tieħu ħsiebna,
tħarisna minn dan in-nisel għal dejjem. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mk 9, 6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Minn ġos-sħaba nstama’ leħen il-Missier jgħid:
“Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”
R/. Hallelujah
Evanġelju
Tbiddel quddiemhom.
Mk 9, 2-13
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, tellagħhom weħidhom fuq muntanja għolja, u tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk. U dehrilhom Elija ma’ Mosè, jitkellmu ma’ Ġesù. Qabad Pietru u qal lil Ġesù: “Mgħallem, kemm hu sew li aħna hawn! Ħa ntellgħu tliet tined, waħda għalik, waħda għal Mosè, u waħda għal Elija”. Dan qalu għax ma kienx jaf x’jaqbad jgħid bil-biża’ kbir li waqa’ fuqhom.
Imbagħad ġiet sħaba u għattiethom, u minn ġos-sħaba nstama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż, isimgħu lilu!”. Minnufih taw ħarsa madwarhom, u ma raw lil ħadd iżjed magħhom ħlief lil Ġesù waħdu. Huma u neżlin minn fuq il-muntanja, tahom ordni biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li kienu raw, qabel ma Bin il-bniedem ikun qam mill-imwiet. Huma żammew kollox moħbi, iżda bdew jistaqsu lil xulxin x’kien ifisser tqum mill-imwiet.
Staqsewh u qalulu: “Għaliex jgħidu l-kittieba li l-ewwel għandu jiġi Elija?”. Weġibhom: “Tassew, l-ewwel għandu jiġi Elija, u jerġa’ jqiegħed kollox f’postu. Mela kif inhu miktub fuq Bin il-bniedem li għandu jbati ħafna u jkun imżeblaħ? Imma ngħidilkom: Elija ġa ġie, u huma ġiebu rwieħhom miegħu kif għoġobhom, bħalma hemm miktub fuqu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu