It-Tlieta u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Nibqgħu mexjin skont il-patt ta’ missirijietna.

1 Mak 2, 15-29

 

Qari mill-Ewwel Ktieb tal-Makkabin

 

F’dak iż-żmien, waslu fil-belt ta’ Modin il-messaġġiera tas-sultan bl-inkarigu li jġiegħlu n-nies jitilqu r-reliġjon tagħhom u jordnawlhom li joffru s-sagrifiċċji. U ħafna mill-Iżraelin resqu lejhom; imma Mattatija u wliedu nġemgħu għalihom weħidhom.

 

Imbagħad il-messaġġiera tas-sultan daru lejn Mattatija u qalulu: “Inti l-kap f’din il-belt, bniedem kbir u ta’ ġieħ, imdawwar b’uliedek u ħutek. Mela ibda int l-ewwel wieħed u agħmel dak li ordna s-sultan, bħalma għamlu l-ġnus kollha, l-irġiel ta’ Ġuda, u dawk li baqaĠerusalemm. Hekk tkun int u wliedek fost ħbieb is-sultan, onorati b’rigali tad-deheb u l-fidda, u doni oħra”.

 

Imma Mattatija għolla leħnu u wieġeb: “Imqar jekk il-ġnus kollha, li qegħdin taħt il-ħakma tas-sultan, jisimgħu minnu u kull wieħed minnhom iħalli r-reliġjon ta’ missirijietu u joqogħdu għall-ordnijiet tiegħu, jiena, uliedi u ħuti, nibqgħu mexjin skont il-patt ta’ missirijietna. Ħażin għalina jekk nitilqu l-liġi u l-kmandamenti. Ma nisimgħu qatt minn kliem is-sultan u ma nitbegħdux mir-reliġjon tagħna lejn ix-xellug jew lejn il-lemin”.

 

Kif temm dan id-diskors wieħed Lhudi ħareġ quddiem kulħadd biex joffri s-sagrifiċċju fuq l-artal f’Modin skont id-digriet tas-sultan. Malli rah Mattatija xegħel bil-għadab, u tqanqlu ġewwenih, u far bil-qilla kif trid il-Liġi u b’ġirja waħda mar għal fuqu u qatlu fuq l-artal. Fl-istess ħin qatel il-messaġġier tas-sultan li kien qiegħed jisfurzahom biex jissagrifikaw, u ġarraf l-artal. U xegħel biż-żelu għal-Liġi, bħalma kien għamel Fineħas lil Żimri bin Salu.

 

U Mattatija mbagħad beda jgħajjat mal-belt u jgħid b’leħen għoli: “Kull min hu għajjur għal-Liġi u jrid jibqajżomm il-Patt, joħroġ warajja”. U ħarab hu u wliedu lejn il-muntanji u ħallew warajhom kulma kellhom fil-belt.

 

Imbagħad ħafna, li kienu jħobbu s-sewwa u d-dritt, niżlu fid-deżert biex joqogħdu hemmhekk.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 49 (50), 1-2.5-6.14-15

 

R/. (23b): Lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla

 

Alla, il-Mulej Alla, tkellem u sejjaħ l-art.

Minn fejn titla’ x-xemx sa fejn tinżel,

minn Sijon, il-ġmiel tagħha,

Alla wera d-dija tiegħu. R/.

 

Iġimgħu ’l ħbiebi quddiemi,

li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju”.

U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,

għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq. R/.

 

Agħti ’l Alla sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr,

u rodd lill-Għoli l-wegħdiet tiegħek.

Imbagħad sejjaħli f’jum id-dwejjaq;

jien neħilsek, u int tweġġaħni”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom,

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhux li għaraft imqar int ukoll x’inhu ta’ ġid għalik!

Lq 19, 41-44

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal qrib il-belt ta’ Ġerusalemm u, kif raha, beda jibkiha u jgħid: Mhux li għaraft imqar int ukoll f’dan il-jum x’inhu ta’ ġid għalik! Imma issa! Dan hu moħbi minn għajnejk! Għax għad jiġi żmien fuqek meta l-għedewwa tiegħek idawruk b’rampa u jagħlquk minn kullimkien u jrossu fuqek minn kull naħa; u jġarrfu lilek u lil uliedek fik, u ma jħallux fik ġebla fuq oħra, talli ma għaraftx iż-żmien taż-żjara li saritlek”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu