18 ta’ Ottubru
San Luqa,
Evanġelista
Festa
Qari I
Tim 4: 9-17a
Qari mit-Tieni Ittra ta’
San Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż: Demas ħabb aktar lid-dinja, u
ħallieni, mar it-Tessalonika; Krexxens mar il-Galazja, Titu d-Dalmazja.
Luqa waħdu baqa’ miegħi. Aqbad ’il Marku u ġibu miegħek,
għax hu jiswieli ħafna għax-xogħol. Lil Tikiku bgħattu
Efesu. Meta tiġi, ġibli miegħek il-mantar li jien ħallejt
fi Troas għand Karpu; ġib ukoll il-kotba, l-aktar il-parċmini.
Alessandru, li jaħdem ir-ram, għamilli ħafna ħsara;
il-Mulej iħallsu skont ma għamel.
Oqgħod attent minnu int ukoll, għax huwa fixkel
ħafna l-kliem tagħna. Fl-ewwel difiża tiegħi ħadd ma
kien miegħi; kulħadd ħallieni. Jalla ma jkunx magħdud
kontrihom!
Imma l-Mulej waqaf miegħi u tani l-qawwa biex, bis-saħħa
tiegħi, il-kelma tixxandar sal-aħħar u l-ġnus kollha
jisimgħuha.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 144: 10-13. 17-18
R/. Ħbiebek ixandru l-ġmiel ta’
saltnatek!
Kulma
għamilt irroddlok ħajr, Mulej, u ħbiebek iberkuk;
is-sebħ
tas-saltna tiegħek ixandru,
fuq
is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.
Huma
jgħarrfu lill-bnedmin il-qawwa tiegħek
u
l-ġmiel glorjuż tas-saltna tiegħek.
Saltnatek
hi saltna taż-żminijiet kollha,
u
l-ħakma tiegħek minn nisel għal nisel. R/.
Ġust
il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb
fl-għemil tiegħu kollu.
Qrib
il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 15:16a
R/. Hallelujah.
Jiena
għażiltkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott
u
l-frott tagħkom jibqa’, jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Lq 10: 1-9
Qari mill-Evanġelju
skont San Luqa
F’dak iż-żmien:
il-Mulej qabbad tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn
qablu f’kull belt u post fejn kien sa jmur hu.
U qalilhom: “Il-ħsad hu
kbir, tassew, imma l-ħaddiema ftit. Itolbu mela ’l sid il-ħsad biex
jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu. Morru! Araw,
qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux
magħkom, la but, la ħorġa, u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu
’l ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu, ‘Sliem lil din
id-dar’. U jekk fiha jkun hemm bin is-sliem, jistrieħ is-sliem
tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġgħalkom lura
għandkom.
Ibqgħu għand dik il-familja,
u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu
ħlasu. Toqogħdux idduru mingħand familja għal oħra.
F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom
quddiemkom; fejqu l-morda tagħha, u lin-nies għidulhom, ‘Is-Saltna
ta’ Alla waslitilkom’”.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Tifħir lilek Kristu.