L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Għedtu: Ħa jkollna re jsaltan fuqna. Iżda l-Mulej, Alla tagħkom, hu s-sultan tagħkom.

Imħ 9, 6-15

 

Qari mill-Ktieb tal-Imħallfin

 

F’dak iż-żmien, inġabru l-kbarat kollha ta’ Sikem u Bet-millu, u qabdu u għamlu lil Abimelek sultan ħdejn il-balluta li hemm f’Sikem. Meta għarrfuh b’dan, Ġotam mar u qagħad fuq il-quċċata tal-muntanja Gariżim, u għolla leħnu u sejħilhom u qalilhom:

Isimgħu, nies ta’ Sikem! Hekk Alla jismalilkom!

Darba marru s-siġar

biex jidilku sultan fuqhom.

U qalu liż-żebbuġa:

Saltan fuqna”.

U ż-żebbuġa weġbithom:

Għandi nħalli jiena żejti,

li bih jitweġgħu l-allat u l-bnedmin,

biex immur niddandan fuq is-siġar?”

U s-siġar qalu lit-tina:

Ejja int, u saltan fuqna”.

U t-tina weġbithom:

Għandi nħalli jien il-ħlewwa,

u l-frott bnin tiegħi,

u mmur niddandan fuq is-siġar?”

U s-siġar qalu lid-dielja:

Ejja int, u saltan fuqna”.

U d-dielja weġbithom:

Għandi nħalli jien l-inbid tiegħi,

li jferraħ l-allat u l-bnedmin,

u mmur niddandan fuq is-siġar?”

U s-sigar kollha qalu lill-għollieq:

Ejja int, u saltan fuqna”.

U l-għollieq qal lis-siġar:

Jekk intom tassew tridu tidilkuni sultan fuqkom,

ejjew stkennu taħt delli.

Jekk le, joħroġ nar mill-għollieq

u jibla’ ċ-ċedri tal-Libanu”.“

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 20 (21), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (2a): Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan!

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan;

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta’ qalbu int qtajthielu,

ma ċħadtlux it-talba ta’ fommu. R/.

 

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq,

kuruna ta’ deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu,

għomor twil minn żmien għal żmien. R/.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu;

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem,

tferrħu u thennih bis-sebħ ta’ wiċċek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lhud 4, 12

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kelma ta’ Alla hi ħajja u qawwija,

u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?

Mt 20, 1-16a

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesů qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: Ara, is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil wieħed sid li ħareġ filgħodu kmieni ħafna biex isib nies tax-xogħol u jħaddimhom fl-għalqa tiegħu tad-dwieli. Ftiehem ma’ xi ħaddiema b’dinar kuljum u bagħathom l-għalqa. Ħareġ ukoll madwar it-tielet siegħa, ra oħrajn qegħdin fil-pjazza, bla xogħol, u qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa, u nagħtikom li jkun ħaqqkom”. U marru. Raġaħareġ għal xi s-sitt siegħa u mbagħad għal xi d-disgħa siegħa, u għamel l-istess.

 

Għall-ħabta tal-ħdax-il siegħa raġaħareġ u sab oħrajn qiegħda, u qalilhom: “Għaliex qegħdin hawn il-jum kollu ma tagħmlu xejn?. Qalulu: “Għax ħadd ma qabbadna”. Qalilhom: “Morru intom ukoll l-għalqa”.

 

Għal filgħaxija mbagħad sid l-għalqa qal lill-prokuratur tiegħu: Sejjaħ lill-ħaddiema u ħallashom, ibda minn dawk li ġew l-aħħar u spiċċa b’dawk tal-ewwel”. Ġew dawk li daħlu għax-xogħol fil-ħdax-il siegħa u ħadu dinar kull wieħed. Ġew tal-ewwel, u stennew li kienu se jirċievu iktar, iżda huma wkoll ħadu dinar kull wieħed. Huma u jitħallsu qabdu jgemgmu kontra s-sid u jgħidu: “Dawn tal-aħħar siegħa waħda għamlu, u int qisthom bħalna li tgħabbejna bil-piż tal-jum u s-sħana!.

 

Qabeż is-sid u qal lil wieħed minnhom: “Ħabib, minn xejn ma nqastek jien; mhux b’dinar ftehemt miegħi? Ħu li jmissek u itlaq. Lil dan tal-aħħar irrid nagħtih daqs kemm tajt lilek. Ma nistax nagħmel li rrid bi ħwejġi jien? Jew qiegħed tgħir għax jien qalbi tajba?.

 

Hekk tal-aħħar jiġu l-ewwel, u tal-ewwel jiġu l-aħħar”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu