Is-Sittax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej.
Mik 6, 1-4.6-8
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Mikea
Isimgħu, mela, dan li jgħid il-Mulej:
“Qum, iddefendi ruħek quddiem il-muntanji,
ħalli l-għoljiet jisimgħu leħnek!”
Isimgħu, muntanji, it-tilwima tal-Mulej,
iftħu widnejkom, sisien l-art,
għax din hi tilwima tal-Mulej mal-poplu tiegħu,
ma’ Iżrael għandu xi jgħid:
“X’għamiltlek jiena, poplu tiegħi?
Fiex dejjaqtek? Weġibni.
Għax jien tellajtek mill-art tal-Eġittu,
fdejtek minn dar il-jasar;
jien bgħatt quddiemek ‘il Mosè, lil Aron u ’l Mirjam”.
“Biex se nersaq quddiem il-Mulej,
u nitbaxxa quddiem Alla l-Għoli?
Se nersaq quddiemu b’sagrifiċċji tal-ħruq
u b’għoġiela ta’ sena?
Il-Mulej se jogħġbuh l-eluf ta’ mtaten,
u l-għaxriet ta’ eluf ta’ widien ta’ żejt?
Se noffrilu ’l ibni l-kbir b’sagrifiċċju għad-dnub tiegħi?
Se nagħtih l-ewwel wild tiegħi,
il-frott ta’ ħdani għal ħtijieti?”
Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej:
li tagħmel dak li hu ġust,
li tħobb u tkun ħanin,
u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 49 (50), 5-6.8-9.16bċ-17.21 u 23
R/. (23b): Min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla
“Iġimgħu ’l ħbiebi quddiemi,
li għamlu patt miegħi bis-sagrifiċċju”.
U jħabbru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu,
għaliex Alla nnifsu jagħmel il-ħaqq. R/.
“Ma nċanfrekx għas-sagrifiċċji tiegħek;
il-vittmi tiegħek maħruqa huma dejjem quddiemi.
Ma neħtieġ ebda għoġol minn tiegħek,
jew gidien mill-imrieħel tiegħek”. R/.
“Kif titkellem fuq il-kmandamenti tiegħi,
u żżomm fuq xufftejk il-patt tiegħi,
int, li tobgħod it-twiddib,
u tixħet kliemi wara dahrek? R/.
Dan int għamilt, u jien bqajt sieket;
forsi ħsibt li jiena bħalek.
Issa se nċanfrek, u dan kollu nqiegħed quddiemek.
Min iroddli sagrifiċċju ta’ radd il-ħajr, dan isebbaħni;
lil min jimxi bis-sewwa nurih is-salvazzjoni ta’ Alla”. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94 (95), 8ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel.
Mt 12, 38-42
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, xi wħud mill-kittieba u l-Fariżej qabdu u qalu lil Ġesù: “Mgħallem, xtaqna kieku naraw sinjal mingħandek”. Iżda hu weġibhom: “Sinjal iridu nisel ħażin u infidil! Imma ebda sinjal ma jingħatalu ħlief dak tal-profeta Ġona. Għax kif Ġona għamel tlitt ijiem u tlitt iljieli f’żaqq il-ħuta, hekk ukoll Bin il-bniedem għad jagħmel tlitt ijiem u tlitt iljieli fil-qalba tal-art.
F’jum il-ħaqq, in-nies ta’ Ninwè għad iqumu kontra dan in-nisel u jikkundannawh, għax huma nidmu wara l-predikazzjoni ta’ Ġona; u araw hawn min hu aqwa minn Ġona hawnhekk! F’jum il-ħaqq, is-sultana tan-Nofsinhar għad tqum u teħodha kontra dan in-nisel u tikkundannah, għax hi ġiet mit-truf tal-art biex tisma’ l-għerf ta’ Salamun; u araw hawn min hu aqwa minn Salamun hawnhekk!”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu