Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha.

2 Kor 11, 18.21b-30

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, jekk ħafna jiftaħru ta’ bnedmin, ħa niftaħar jien. Immabiex nitkellem ta’ iblahf’dak li ħaddieħor jagħmel wiċċu, nagħmel wiċċi jiena wkoll. Huma Lhud? Jiena wkoll. Huma Iżraelin? Jiena wkoll. Huma nisel Abraham? Jiena wkoll. Huma ministri ta’ Kristu? Jienaħa nitkellem ta’ iblah! – jiena aktar minnhom. Ħafna aktar minnhom fit-taħbit, ħafna aktar minnhom fil-ħabsijiet, aktar u aktar minnhom fis-swat. Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt.

 

Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda; tliet darbiet tawni s-swat bil-virgi; darb’oħra ħaġġruni. Tliet darbiet rajt l-għarqa; għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar. Għamilt safar bla għadd; sibt ruħi f’perikli ta’ xmajjar, perikli mill-ħallelin, perikli min-nies ta’ ġensi, perikli mill-pagani, perikli fl-ibliet, perikli fid-deżert, perikli fil-baħar, perikli mill-aħwa qarrieqa. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera!

 

U, biex ma nsemmix ħwejjeġ oħra, dak il-ħafna ġej u sejjer tan-nies ta’ kuljum għandi, u l-ħsieb tal-knejjes kollha! Min hu marid u m’iniex marid miegħu jien? Min hu dak li jsib min ifixklu, u jien ma nħossnix imbaqbaq? Jekk għandi niftaħar, niftaħar b’dak li hu dgħajjef fija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (ara 18b): Il-Mulej jeħles lill-ġusti mid-dwejjaq kollha tagħhom

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biżatiegħi ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

Mt 6, 19-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

 

Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu