L-Ottava tal-Għid

Is-Sibt

 

Qari I

Aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna.

Atti 4, 13-21

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, il-kapijiet tal-Lhud u x-xjuħ u l-kittieba, meta raw il-kuraġġ li bih Pietru u Ġwanni kienu tkellmu, baqgħu mistagħġba bihom, għax kienu jafu kemm dawn kienu nies sempliċi u bla tagħlim, u fehmu sewwa li kienu nies ta’ madwar Ġesù; imma meta raw ir-raġel li kien imfejjaq, wieqaf hemm ħdejhom, ma kellhom ħila jwieġbu xejn.

 

Imbagħad ġagħluhom joħorġu barra mis-Sinedriju, qagħdu jitħaddtu bejniethom u bdew jgħidu: X’se nagħmlu bihom dawn in-nies? Għax in-nies kollha ta’ Ġerusalemm jafu li dan il-miraklu sar permezz tagħhom; u dan aħna ma nistgħux niċħduh. Imma, biex dan ma jixteridx aktar fost il-poplu, ejjew nhedduhom biex ma jsemmu dan l-isem ma’ ħadd iżjed”.

 

Għalhekk reġgħu sejħulhom, u ordnawlhom biex b’ebda mod ma jitkellmu jew jgħallmu fl-isem ta’ Ġesù. Imma Pietru u Ġwanni weġbuhom: “Għidulna intom jekk hux sewwa quddiem Alla li aħna nisimgħu aktar minnkom milli minn Alla; għax aħna ma nistgħux ma nitkellmux fuq dak li rajna u smajna”.

 

Imbagħad reġgħu hedduhom u telquhom, għaliex minħabba l-poplu ma għarfux kif jaqbdu jikkastigawhom, għax kulħadd kien qiegħed jagħti glorja lil Alla għal dak li ġara.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 117 (118), 1 u 14-15.16ab-18.19-21

 

R/. (21a): Niżżik ħajr, Mulej, talli weġibtni

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Faħħru l-Mulej, għaliex hu tajjeb,

għax għal dejjem it-tieba tiegħu!

Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej;

hu kien għalija s-salvazzjoni tiegħi.

Għajjat ta’ ferħ u rebħ fl-għerejjex tat-tajbin:

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila! R/.

 

Il-leminija tal-Mulej ’il fuq merfugħa,

il-leminija tal-Mulej għamlet ħwejjeġ ta’ ħila.

Ma mmutx, imma nibqa’ ngħix,

u nħabbar l-għemejjel tal-Mulej.

Ħaqarni tassew il-Mulej,

iżda ma telaqnix għall-mewt. R/.

 

Iftħuli l-bibien tal-ġustizzja;

ħa nidħol minnhom u rrodd ħajr lill-Mulej.

Dan hu bieb il-Mulej;

il-ġusti jidħlu minnu.

Niżżik ħajr talli weġibtni

u kont għalija s-salvazzjoni tiegħi. R/.

 

Sekwenza (fakultativa)

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 117 (118), 24

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Dan hu l-jum li għamel il-Mulej;

ħa nifirħu u nithennew fih!

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju.

Mk 16, 9-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

Wara li qam mill-mewt filgħodu kmieni fl-ewwel jum tal-ġimgħa Ġesù deher l-ewwel lil Marija ta’ Magdala, li minnha kien keċċa seba’xjaten. Din marret tħabbar kollox lil sħabu, li kienu qalbhom sewda u jibku. Imma dawn, meta semgħuha tgħid li hu kien ħaj u li ratu, ma emmnuhiex. Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’. U huma reġgħu lura u taw l-aħbar lill-oħrajn, imma anqas lil dawn ma emmnuhom.

 

Fl-aħħar wera ruħu lill-Ħdax stess waqt li kienu fuq il-mejda, u ċanfarhom talli kienu nieqsa mill-fidi u hekk rashom iebsa li ma emmnux lil dawk li kienu rawh wara li qam mill-mewt. U qalilhom: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu