Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan
Il-Ħamis
Qari I
Erġa’ lura mis-saħna tal-korla tiegħek.
Eżodu 32, 7-14
Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, il-Mulej
qal lil Mosè:
“Mur u inżel, għaliex
tħassar il-poplu tiegħek, li inti tellajt
mill-Eġittu. Malajr warrbu mit-triq li jiena wrejthom: għamlu
għalihom għoġol
tal-metall imdewweb, niżlu wiċċhom fl-art iqimuh, u offrewlu sagrifiċċju u qalu: “Dawn huma l-allat
tiegħek, Iżrael,
li tellgħuk mill-art tal-Eġittu”.
U l-Mulej issokta jgħid lil Mosè: “Jiena
ħarist lejn dan il-poplu, u rajt li hu poplu ta’ ras iebsa. Ħallini
waħdi, issa, ħalli nixgħel il-korla tiegħi għalihom u neqridhom.
U lilek nagħmlek ġens kbir”.
Mosè mbagħad talab bil-ħniena quddiem il-Mulej, Alla tiegħu, u qal: “Għaliex, Mulej,
tixgħel bil-korla tiegħek għall-poplu tiegħek, li int, b’ħila kbira
u b’id qawwija, ħriġtu mill-art tal-Eġittu?
L-għala għandhom jgħidu l-Eġizzjani:
“Araw x’deni għamlilhom: ħariġhom biex itemmhom fil-muntanji
u jeqridhom minn wiċċ l-art”? Erġa’ lura mis-saħna tal-korla
tiegħek, u reġġa’
lura l-ħsara li trid tagħmel lill-poplu tiegħek. Ftakar
f’Abraham, f’Iżakk u f’Iżrael, il-qaddejja tiegħek, li int ħliftilhom
bik innifsek u għedtilhom: “Inkattar in-nisel tagħkom bħall-kwiekeb tas-sema,
u din l-art kollha, li jien
wegħedt, nagħtiha lil nisilkom bħala wirt għal dejjem”.
U l-Mulej nidem mill-ħsara li qal li kien se jagħmel lill-poplu tiegħu.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 105 (106), 19-20.21-22.23
R/. (4a): Ftakar
fija, Mulej, fi mħabbtek għall-poplu tiegħek
Għamlu għoġol ħdejn
il-Ħoreb,
qiemu xbieha tal-metall imdewweb.
Bidlu ’l Alla, il-glorja tagħhom,
ma’ xbieha
ta’ gendus jiekol il-ħaxix. R/.
U nsew ’l Alla, li salvahom,
li għamel
ħwejjeġ kbar fl-Eġittu,
għeġubijiet fl-art ta’ Ħam,
ħwejjeġ tal-biża’ fil-Baħar
tal-Qasab. R/.
Kien għamel il-ħsieb
li jeqridhom,
li ma kienx għal Mosè, il-magħżul tiegħu,
li waqaf fis-selħa tas-sur quddiemu,
biex iberrdu u ma jeqridhomx.
R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 3, 16
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni,
biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja
ta’ dejjem.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Dak li jakkużakom huwa Mosè, li fih qegħedtu
t-tama tagħkom.
Ġw 5, 31-47
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù
qal lil-Lhud: “Kieku jien kelli nagħti xhieda fuqi nnifsi, ix-xhieda tiegħi ma kinitx tkun minnha. Hemm ħaddieħor li jagħti xhieda
fuqi, u jiena naf li x-xhieda li jagħti fuqi hu hi minnha.
Intom bgħattu tistaqsu
lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni
tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn
dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani
l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed
nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni.
U dak li jagħti xhieda fuqi huwa dak
stess li bagħatni, il-Missier, li intom la qatt smajtu leħnu u lanqas rajtu l-bixra ta’ wiċċu; u l-kelma tiegħu ma tinsabx fikom, għax intom m’intomx temmnu lil dak li huwa bagħat.
Intom tistudjaw l-Iskrittura,
għax taħsbu li fiha hemm il-ħajja
ta’ dejjem; din tagħti
xhieda għalija; u madankollu ma tridux tiġu għandi biex ikollkom il-ħajja. Jiena ma nieħu ebda glorja mill-bnedmin, imma jiena lilkom nafkom, naf li l-imħabba
ta’ Alla ma tinsabx fikom. Jien ġejt
f’isem Missieri,
u intom ma lqajtunix; jekk ħaddieħor jiġi f’ismu stess, intom tilqgħuh. Imma kif jista’ jkun li temmnu, intom li tieħdu l-glorja mingħand xulxin, waqt li xejn ma tfittxu l-glorja li tiġi mingħand Alla waħdu?
Xejn la taħsbu li se nkun
jien li nakkużakom quddiem il-Missier; dak li jakkużakom huwa
Mosè, li fih qegħedtu t-tama tagħkom. Għax kieku kontu temmnu lil Mosè
kontu temmnu lili wkoll, għax Mosè fuqi kiteb. Imma jekk intom
ma temmnux dak li kitbilkom hu, kif se temmnu dak li ngħidilkom jien?”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu