Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil.

Ġak 2, 14-24.26

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu? Jaqaw tista’ ssalvah din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ma jkollhomx x’jilbsu u jonqoshom l-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: “Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa tixbgħu”, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha.

 

Imma xi ħadd jista’ jgħid: “Int għandek il-fidi, u jiena l-għemil. Urini l-fidi tiegħek mingħajr l-għemil, u jien nurik il-fidi tiegħi mill-għemil tiegħi”. Inti temmen li Alla huwa wieħed, u tagħmel sew. U dan ix-xjaten ukoll jemmnuh, u jitriegħdu! Imma kif ma tridx taf, iblah li int, li l-fidi mingħajr għemil hija fiergħa? Jaqaw Abraham missierna mhux mill-għemil kien iġġustifikat meta offra lil ibnu Iżakk fuq l-altar? B’hekk tara kif il-fidi ħadmet id f’id mal-għemil tiegħu, u kif bil-ħila tal-għemil il-fidi laħqet fl-aqwa tagħha u seħħet l-Iskrittura li tgħid: “Abraham emmen lil Alla u kien dan li ġġustifikah” u għalhekk huwa msejjaħ ħabib ta’ Alla.

 

Taraw, mela, li l-bniedem ikun iġġustifikat bl-għemil, mhux bil-fidi biss. Għax bħalma l-ġisem mingħajr ruħ hu mejjet, hekk ukoll hi mejta l-fidi mingħajr għemil.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 111 (112), 1-2.3-4.5-6

 

R/. (ara 1b): Hieni l-bniedem li jitgħaxxaq bil-kmandamenti tal-Mulej

 

Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej,

li jitgħaxxaq ħafna bil-kmandamenti tiegħu!

Setgħan fuq l-art ikun nislu;

nisel it-tajbin ikun imbierek. R/.

 

Ġid u għana jkunu f’daru;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.

Dawl fid-dlam ifeġġ għat-tajbin;

twajjeb u ħanin il-bniedem sewwa. R/.

 

Tajjeb il-bniedem li jħenn u jislef,

li jmexxi ħwejġu bir-reqqa.

Għax il-bniedem ġust qatt ma jitfixkel;

għal dejjem tibqa’ t-tifkira tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 15, 15b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Sejjaħtilkom ħbieb, jgħid il-Mulej,

għaliex kulma smajt mingħand Missieri

jiena għarrafthulkom.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha.

Mk 8, 34 – 9,1

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh in-nies flimkien mad-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Evanġelju, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Xi prezz jista’ jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu? Għax jekk xi ħadd, minn dan in-nisel żieni u midneb tal-lum, għad jistħi minni u minn kliemi, Bin il-bniedem ukoll għad jistħi minnu meta jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli mqaddsa”. Qalilhom ukoll: “Tassew ngħidilkom, li hawn xi wħud minnkom li qegħdin hawn, li żgur ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw il-wasla tas-Saltna ta’ Alla, mogħnija bil-qawwa”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu