Il-Ħamis wara l-Erbgħa tal-Irmied


Qari I

Jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta.

Dewt 30, 15-20

 

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

 

Mosè kellem lill-poplu u qal: Ara jiena llum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. Issa jekk tisma’ mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum: li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu, int tgħix u titkattar, u l-Mulej, Alla tiegħek, ibierkek fl-art li int sejjer fiha biex teħodha f’idejk.

 

Imma jekk qalbek iddur u ma tismax, tintgħewa u tqim allat oħra u taqdihom, jien ngħidilkom illum li tinqerdu żgur; ma ddumux żmien twil fuq l-art, li int se taqsam il-Ġordan biex tidħol fiha u teħodha f’idejk.

 

Insejjaħ illum is-sema u l-art b’xhieda kontrikom: il-ħajja u l-mewt, li jien illum qegħedt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, u tisma l-kelma tiegħu, u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul ta’ jiemek li tgħammar fl-art li Alla ħalef li jagħtiha lil missirijietek, lil Abraham, lil Iżakk u lil Ġakobb”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

 

R/. (Salm 39 (40), 5a): Hieni l-bniedem

li jqiegħed fil-Mulej it-tama tiegħu

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 17

 

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Indmu, jgħid il-Mulej,

għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

 

Evanġelju

Min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha.

Lq 9, 22-25

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”.

 

Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfasalibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu