L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
Qari I
Hawn hu r-raġel li għedtlek: Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi.
1 Sam 9, 1-4.17-19; 10, 1a
Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel
Kien hemm raġel mit-tribù ta’ Benjamin li kien jismu Kis bin Abijel, bin Serur, bin Bekorat, bin Afijaħ, bin wieħed mit-tribù ta’ Benjamin, bniedem qalbieni u għani. U kellu iben jismu Sawl, żagħżugħ sabiħ, fl-aħjar tiegħu, u ma kienx hemm ieħor fost ulied Iżrael aħjar minnu; kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejh ’il fuq. Darba waħda Kis, missier Sawl, intilfulu xi ħmariet, u Kis qal lil Sawl ibnu: “Ħu miegħek wieħed mill-qaddejja, u aqbad u mur fittex il-ħmariet”.
Daru l-muntanji ta’ Efrajm u l-art ta’ Salisa, u ma sabu xejn; għaddew mill-art ta’ Sagħlim, xejn; u mill-art ta’ Benjamin, u ma sabu xejn. Malli Samwel ra lil Sawl, il-Mulej qallu: “Hawn hu r-raġel li għedtlek: Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi”.
U Sawl resaq fuq Samwel f’nofs il-bieb u staqsieh: “Għidli, jekk jogħġbok, fejn hi d-dar tal-veġġent”. Samwel wieġbu: “Jiena hu l-veġġent. Itla’ qabli fuq l-għolja. Illum tieklu miegħi. Inħallik tmur għada filgħodu kmieni u nurik kulma għndek f’qalbek”.
L-għada, filgħodu kmieni, Samwel ħa l-kus taż-żejt f’idejh u sawwabhulu fuq rasu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 20 (21), 2-3.4-5.6-7
R/. (2a): Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan
Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan;
kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!
Ix-xewqa ta’ qalbu int qtajthielu,
ma ċħadtlux it-talba ta’ fommu. R/.
Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq,
kuruna ta’ deheb fin qegħedtlu fuq rasu.
Il-ħajja talbek, u int tajthielu,
għomor twil minn żmien għal żmien. R/.
Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu;
ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.
Lilu tagħti barkiet għal dejjem,
tferrħu u thennih bis-sebħ ta’ wiċċek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 4, 18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,
u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.
Mk 2, 13-17
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi u qallu: “Ejja warajja”. Dak qam u mar warajh. U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?”. Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu