Id-Disgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Is-sagrifiċċju ta’ Kristu.

Iż 53:10-11

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Il-Mulej għoġbu jgħakksu bil-mard.

Talli joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni,

huwa għad jara nisel u jtawwal jiemu;

u r-rieda tal-Mulej isseħħ bih.

Wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl,

jixba’ bit-tagħrif tiegħu.

Il-ġust jiġġustifika lill-qaddej tiegħu quddiem il-kotra,

u l-ħażen tagħhom jitgħabba bih hu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 32(33):4-5,18-19,20,22

 

R/.(22): Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna.

 

Sewwa hi l-kelma tal-Mulej,

kollox bil-fedeltà huwa għamel.

Hu jħobb id-dritt u s-sewwa;

bit-tjieba tal-Mulej mimlija l-art. R/.

 

Ara, għajnejn il-Mulej fuq dawk li jibżgħu minnu,

fuq dawk li jittamaw fit-tjieba tiegħu,

biex jeħilsilhom mill-mewt ħajjithom,

u jaħjihom fi żmien il-ġuħ. R/.

 

Ruħna tixxennaq għall-Mulej,

hu l-għajnuna u t-tarka tagħna.

Ħa tkun, Mulej, it-tjieba tiegħek fuqna,

kif fik hi t-tama tagħna. R/.

 

Qari II

Nersqu b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja.

Lhud 4:14-16

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Ħuti, meta aħna għandna l-qassis il-kbir, li hu tassew kbir, qassis li daħal fis-smewwiet, Ġesù, Bin Alla, ħa nżommu sħiħa l-fidi tagħna u nistqarruha. Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub.

 

Ħa nersqu, mela, b’qalbna qawwija lejn it-tron tal-grazzja, biex naqilgħu ħniena u nsibu f’waqtha l-grazzja li neħtieġu.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mk 10:45

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi,

imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

Mk 10:35-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, resqu lejh u qalulu: “Mgħallem, dak li se nitolbuk irriduk tagħtihulna”.Xi triduni nagħmlilkom?”, staqsiehom. U huma weġbuh: “Ħallina noqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħek u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħek”.

 

Imma Ġesù qalilhom: “Ma tafux x’intom titolbu. Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. Għandna”, qalulu. Imbagħad qalilhom Ġesù: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija”.

 

L-għaxra l-oħra, meta semgħu dan, saħnu għal Ġakbu u għal Ġwanni. Imma Ġesù sejħilhom u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.

 

Jew il-forma l-qasira

 

Evanġelju

Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra.

Mk 10:42-45

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù sejjaħ lejh it-Tnax u qalilhom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom. Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom, għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd. Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.