L-Erbgħa
u Għoxrin Ġimgħa
taż-Żmien ta’ Matul
is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Int, bniedem ta’ Alla, fittex li jkollok il-ġustizzja.
1 Tim 6, 2ċ-12
Qari
mill-Ewwel Ittra ta’ San
Pawl Appostlu lil Timotju
Għażiż,
dan għallem u wissi. Min jgħallem ħaġa oħra, min ma joqgħodx għall-kliem utieq ta’ Sidna Ġesù Kristu u għat-tagħlim skont it-tieba, dan ikun
supperv u ma jkun jaf xejn, marid
bil-marda tat-tilwim u kliem li ma jġibx ħlief għejra u ġlied, tkasbir u suspetti ħżiena; u tilwim bejn nies
ta’ moħħhom maqlub
u nieqsa mill-verità; u mingħalihom it-tieba qiegħda għal qligħ il-flus.
It-tieba fiha qligħ kbir, tassew, għal
min hu kuntent b’dak li għandu; għax aħna xejn ma ġibna fid-dinja, u xejn ma nistgħu nieħdu magħna; sakemm għandna x’nieklu u x’nilbsu, dan għandu
jkun biżżejjed għalina. Imma dawk li jridu jistagħnu
jaqgħu fit-tiġrib
u fix-xibka u f’ħafna xewqat bla sens
u ta’ ħsara li jitfgħu
lill-bnedmin fil-qerda u t-telfien. Għax ir-regħba għall-flus hi
l-għerq ta’ kull ħażen; kien ħtija ta’ din ir-regħba li xi wħud ħarġu barra mit-triq tal-fidi u nfnew b’niket kbir.
Imma
int, bniedem ta’ Alla, aħrab dan kollu;
fittex li jkollok il-ġustizzja, it-tieba, il-fidi, l-imħabba, is-sabar, il-ħlewwa. Tqabad it-taqbida t-tajba tal-fidi;
qis li tirbaħ il-ħajja ta’ dejjem li għaliha kont imsejjaħ u li tagħha għamilt l-istqarrija sabiħa quddiem ħafna xhieda.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 48 (49), 6-7.8-10.17-18.19-20
R/. (Mt 5, 3): Henjin il-foqra fl-ispirtu,
għax
tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet
Għax
għandi nibża’
mill-jiem ħżiena,
meta
jdur għalija l-ħażen ta’ dawk li jonsbuni?
F’ġidhom
it-tama tagħhom;
jiftaħru
bil-kotra tal-għana tagħhom. R/.
Ħadd
ma jista’ jifdi lilu nnifsu,
jew
jagħti lil Alla l-prezz tal-fidwa
tiegħu.
Għoli
wisq il-prezz ta’ ħajtu,
qatt
ma jkun biżżejjed,
biex
wieħed jgħix għal dejjem
u ma jara qatt il-qabar.
R/.
Tibżax
meta xi ħadd jistagħna,
meta
joktor il-ġieħ
ta’ daru.
Għax xejn ma jieħu f’mewtu,
ġieħu
ma jinżilx warajh. R/.
Imqar
jekk f’ħajtu jħoss ruħu hieni,
u jgħid li jfaħħruh għax jgħaddiha tajjeb;
imur
ukoll mal-ġemgħa
ta’ missirijietu,
li qatt aktar ma jaraw
id-dawl. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek,
Missier, Sid is-sema u
l-art,
għax
inti dawn il-ħwejjeġ tas-saltna
wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kellu miegħu t-Tnax u xi nisa li kienu jaqduhom
minn ġidhom.
Lq 8, 1-3
Qari
mill-Evanġelju skont
San Luqa
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qagħad idur l-ibliet u r-rħula, jipprietka u jxandar l-Evanġelju tas-Saltna ta’ Alla. Kellu miegħu
t-Tnax u xi nisa li kien fejjaqhom mill-ispirti ħżiena u mill-mard: Marija, li kienu jgħidulha ta’ Magdala, li minnha kienu ħarġu seba’ xjaten, Ġwanna,
mart Ħuża, prokuratur
ta’ Erodi, Susanna, u ħafna
oħrajn, li kienu jaqduhom minn
ġidhom.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu