Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Kienet lejla ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu.

Eżodu 12, 37-42

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, ulied Iżrael telqu minn Ragħmses għal Sukkot, madwar sitt mitt elf raġel bil-mixi barra t-tfal. U telgħet magħhom kotra kbira ta’ nies, u nagħaġ, u baqar u mrieħel kbar ħafna. U sajru mill-għaġna li kienu ħarġu mill-Eġittu ftajjar ażżmi, għax ma kellhomx ħmira, billi keċċewhom mill-Eġittu u ma setgħux joqogħdu jitnikkru u anqas iġibu x’jieklu magħhom.

 

Ulied Iżrael damu jgħammru fl-Eġittu għal erbamija u tletin sena. U wara dawn l-erbamija u tletin sena, dakinhar stess li għalqu, ħarġu l-qtajjakollha tal-Mulej mill-Eġittu. Kienet lejla ta’ sahra għall-Mulej biex ħariġhom mill-Eġittu; għalhekk dan l-istess lejl hu lejl ta’ sahra tal-Mulej għal ulied Iżrael, minn nisel għal nisel.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 135 (136), 1 u 23-24. 10-12.13-15

 

R/. (1b): It-tieba tiegħu għal dejjem

 

Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb;

meta konna magħkusin ftakar fina,

u ħelisna mill-għedewwa tagħna. R/.

 

Hu darab l-Eġizzjani f’uliedhom il-kbar,

u ħareġ lil Iżrael minn ġo nofshom,

ħariġhom b’id qawwija u bi driegħ merfugħ. R/.

 

Hu feraq fi tnejn il-Baħar tal-Qasab,

u għadda lil Iżrael minn ġo nofshom.

Ġarraf il-Fargħun u l-eżerċtu tiegħu fil-Baħar tal-Qasab. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

2 Kor 5, 19

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla kien li ħabbeb il-ħolqien miegħu nnifsu permezz ta’ Kristu,

u fdalna l-ministeru ta’ din il-ħbiberija.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad.

Mt 12, 14-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, il-Fariżej ħarġu u bdew jiftiehmu bejniethom kontra Ġesù, kif se jeqirduh. Ġesù sar jaf b’dan u telaq minn hemm. Ħafna nies marru warajh u fejjaqhom kollha, u ordnalhom bis-sħiħ biex ma jurux min kien, biex hekk iseħħ dak li kien ingħad permezz tal-profeta Isaija, meta qal:

Ara l-Qaddej tiegħi li jiena ħtart,

l-għażiż tiegħi li bih ruħi tgħaxxqet!

Jien inqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu

u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jiksirha ma’ ħadd,

ma jgħollix leħnu

u ħadd ma jismaleħnu fil-pjazez.

Qasba mġelġla ma jiksirhiex,

u musbieħ inemnem ma jitfihx,

sa ma jwassal il-ġustizzja għar-rebħa,

u f’ismu jittamaw il-ġnus”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu