Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dilku lil Ġowas u bdew jgħajtu “Viva s-sultan!”

2 Slaten 11, 1-4.9-18.20

 

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

 

F’dak iż-żmien, Għatalija kienet omm Aħażija, u malli rat li miet binha, qabdet u qatlet in-nisel kollu tas-sultan. U Ġehoseba, bint is-sultan Ġehoram, u oħt Aħażija, ħadet lil Ġowas bin Aħażija – ħatfitu bil-moħbi, lilu u l-imreddgħa tiegħu, minn qalb ulied is-sultan, li kienu se joqtluhom fil-kmamar tas-sodod – u ħbietu minn għajnejn Għatalija, u hekk ma qatluhx. U dam moħbi magħha f’dar il-Mulej sitt snin, fil-waqt li Għatalija kienet issaltan fuq il-pajjiż.

 

Fis-seba’ sena Ġehojada bagħat iġib iċ-ċenturjuni tal-Karin u l-kapijiet tal-gwardji tal-korp, u daħħalhom miegħu f’dar il-Mulej, u għamel patt magħhom, u ġagħalhom jaħilfu f’dar il-Mulej, u wriehom lil bin is-sultan. Iċ-ċenturjuni għamlu kulma kien ordnalhom Ġehojada, il-qassis, u kull wieħed ħa n-nies tiegħu – sew dawk li kienu deħlin is-Sibt, kemm dawk li kienu ħerġin – u marru għand il-qassis Ġehojada. U dan ta liċ-ċenturjuni l-lanez u t-tarkiet tas-sultan David, li kien hemm f’dar il-Mulej. U l-gwardji, kull wieħed bl-armi f’idu, qagħdu min-naħa tan-Nofsinhar tat-tempju san-naħa tat-Tramuntana, iħarsu lejn l-altar u t-tempju, madwar issultan.

 

Ġehojada mbagħad ħareġ lil bin is-sultan u xeddlu l-kuruna, u tah l-insinja, u għamluh sultan; dilkuh, u bdew iċapċpu idejhom u jgħajtu “Viva s-sultan!”. U Għatalija, malli semgħet l-għajjat tal-gwardji u tal-poplu, marret għal fuq il-poplu f’dar il-Mulej. U ħarset, u hemm kien is-sultan wieqaf fuq tribuna skont id-drawwa, u l-kantanti u t-trumbetti maġenb is-sultan, u l-poplu kollu tal-pajjiż jifraħ u jdoqq it-trumbetti.

 

Għatalija ċarrtet ħwejjiġha u bdiet tgħajjat: “Tradiment! Tradiment!”. U Ġehojada l-qassis ordna liċ-ċenturjuni u l-kapijiet tal-eżerċtu, u qalilhom: “Oħorġuhal barra mill-palazz bejn żewġ fillieri suldati, u kull min imur warajha, oqtluh bix-xabla”. Għax il-qassis kien qal: “Ma joqtluhiex fid-dar tal-Mulej”. U meddew idejhom fuqha, u kif waslet fid-daħla taż-żwiemel għal ġewwa l-palazz tas-sultan, qatluha hemmhekk.

 

Ġehojada għamel patt bejn il-Mulej u bejn is-sultan u bejn il-poplu li jkunu poplu tal-Mulej, u bejn is-sultan u l-poplu. U l-poplu kollu tal-pajjiż daħal fit-tempju ta’ Bagħal, u ġarrfuh, u farrku l-altari u x-xbihat tiegħu għalkollox, u ‘l Mattan, qassis ta’ Bagħal, qatluh quddiem l-altar. Ġehojada, il-qassis, qiegħed għases mat-tempju tal-Mulej.

 

Feraħ il-poplu kollu tal-pajjiż; u l-belt strieħet; ul Għatalija qatluha bix-xabla fil-palazz tas-sultan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 131 (132), 11.12.13-14.17-18

 

R/. (13): Il-Mulej għażelil Sijon id-dar tiegħu

 

Il-Mulej ħalef wegħda lil David,

u żgur li ma jerġax lura minnha:

“Wieħed min-nisel tiegħek

jiena nqiegħed fuq it-tron tiegħek”. R/.

 

Jekk uliedek iħarsu l-patt tiegħi

u l-preċetti li jien nagħtihom,

uliedhom ukoll għal dejjem

joqogħdu fuq it-tron tiegħek”. R/.

 

Għax il-Mulej għażelil Sijon,

u xtaqha tkun id-dar tiegħu:

Hawn insib il-mistrieħ tiegħi għal dejjem!

Fiha rrid noqgħod, għax ħabbejtha!” R/.

 

Hemm inqajjem qawwa lil David,

inħejji mnara għas-sultan, il-midluk tiegħi.

Bil-mistħija llibbes l-għedewwa tiegħu,

imma fuqu tiddi l-kuruna tiegħu”. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll.

Mt 6, 19-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja, fejn kollox jitmermer bil-kamla u s-sadid, u fejn il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Iżda ġemmgħu għalikom teżori fis-sema, fejn xejn ma jitmermer u la bil-kamla u lanqas bis-sadid, u fejn ma hemmx ħallelin jinfdu u jisirqu. Għax fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll. Il-musbieħ tal-ġisem hija l-għajn. Jekk mela għajnek hija safja, ġismek kollu jkun imdawwal. Iżda jekk għajnek hi marida, ġismek kollu jkun mudlam. Mela jekk id-dawl li hemm fik huwa dlam, kemm aktar id-dlam!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu