Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Ħabbartilkom l-Evanġelju ta’ Alla b’xejn.

2 Kor 11, 1-11

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, mhux li kontu tieħdu ftit paċenzja bil-bluha tiegħi! Naf, iva, li tieħdu paċenzja bija. Jiena għajjur għalikom bl-istess għejra ta’ Alla: għax jiena għarrastkom lil għarus wieħed, bħallikieku kontu xebba safja biex irressaqkom quddiem Kristu. Jiena nibża’ li, bħalma s-serp qarraq b’Eva bil-ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-sempliċità u s-safa tagħhom fi Kristu.

 

Għax jekk xi ħadd jiġi jxandar Ġesù ieħor, mhux dak li xandarnielkom aħna, jew tieħdu Spirtu ieħor, barra dak li ħadtu, jew xi Evanġelju ieħor barra dak li lqajtu, intom kontu tistabru bih.

 

Naħseb li jien m’iniex inqas minn dawn l-appostli kbar. Jekk jien ma ninqalax fil-kliem, ninqalafl-għerf; dan aħna wrejnihulkom bid-dieher b’kull mod u quddiem kulħadd. Jaqaw għamilt xi dnub meta jien ċekkint lili nnifsi biex intom togħlew? Meta ħabbartilkom l-Evanġelju ta’ Alla b’xejn? Neżżajt il-knejjes l-oħra, billi ħadt mingħandhom l-għajxien tiegħi biex naqdi lilkom; u meta ġejt għandkom u ġejt fil-bżonn, ma dejjaqt lil ħadd.

 

Għall-ħtiġiet tiegħi ħasbu fuq li ħasbu l-aħwa li ġew mill-Maċedonja. F’kollox ġibt ruħi b’mod li ma nkunx ta’ piż għalikom, u hekk nibqa nġib ruħi. Fuq il-verità ta’ Kristu li hemm fija, din ir-raġuni għall-ftaħir tiegħi ma jeħodhieli ħadd fl-inħawi tal-Akaja. Għaliex? Għax ma nħobbkomx? Alla jaf li jien inħobbkom!

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 110 (111), 1-2.3-4.7-8

 

R/. (7a): Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejk, Mulej

 

Irrodd ħajr lill-Mulej b’qalbi kollha,

fil-laqgħa tat-tajbin flimkien miġbura.

Kbar huma l-għemejjel tal-Mulej;

ifittxuhom dawk kollha li jitgħaxxqu bihom. R/.

 

Kollu ġmiel u kobor għemil il-Mulej;

għal dejjem tibqa’ l-ġustizzja tiegħu.

Waqqaf tifkira bl-għeġubijiet tiegħu;

twajjeb u ħanin il-Mulej. R/.

 

Is-sewwa u l-ħaqq għemil idejh;

ta’ min joqgħod fuqhom il-preċetti tiegħu,

imwettqa għal dejjem ta’ dejjem,

magħmula bis-sewwa u bid-dritt. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8, 15bċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: “Abbà! Missier!”

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mela itolbu hekk.

Mt 6, 7-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Intom u titolbu toqogħdux tlabalbu bħall-pagani; dawn mingħalihom li, iktar ma jgħidu, iktar jinstemgħu. Tkunux bħalhom, għax Missierkom jaf x’teħtieġu, qabel ma titolbuh intom.

 

Mela itolbu hekk:

Missierna, li inti fis-smewwiet,

jitqaddes ismek,

tiġi saltnatek, ikun li trid int,

kif fis-sema, hekkda fl-art.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina llum.

Aħfrilna dnubietna,

bħalma naħfru lil min hu ħati għalina.

U la ddaħħalniex fit-tiġrib,

iżda eħlisna mid-deni.

 

Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu