Is-Sitt Ħadd tal-Għid

 

Qari I

Qiegħdu jdejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

Atti 8:5-8,14-17

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Filippu niżel f’belt tas-Samarija u xandar lil Kristu lin-nies tagħha. Il-folol tan-nies b’fehma waħda kienu joqogħdu attenti għal dak li kien jgħidilhom Filippu, meta kienu jisimgħuh u jaraw il-mirakli li kien jagħmel. Kien hemm nies maħkuma mill-ispirti ħżiena, u dawn b’għajat kbir kienu joħorġu minn ħafna minnhom; u ħafna nies oħrajn, mifluġa jew zopop, kienu jitfejqu. U kien hemm ferħ kbir f’dik il-belt.

 

L-appostli, li kienu Ġerusalemm, semgħu li s-Samarija laqgħet il-kelma ta’ Alla, u bagħtu hemm lil Pietru u lil Ġwanni. Dawn niżlu hemm u talbu biex dawk li emmnu jirċievu l-Ispirtu s-Santu; għax l-Ispirtu s-Santu kien għadu ma niżel fuq ħadd minnhom, imma kienu tgħammdu biss f’isem il-Mulej Ġesù. Imbagħad l-appostli qiegħdu jdejhom fuqhom, u huma rċevew l-Ispirtu s-Santu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

℟. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 65 (66):1-3a,4-5,6-7a,16,20

 

℟. (1): Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha.

Jew

℟. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek! R/.

 

L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek”.

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;

tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.

 

Biddel il-baħar f’art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem. R/.

 

Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x’għamel miegħi.

Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

 

Qari II

Ġie mogħti għall-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fir-ruħ.

1 Piet 3:15-18

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu

 

Għeżież, lill-Mulej Kristu qaddsu f’qalbkom. Kunu dejjem lesti biex tagħtu tweġiba lil kull min jitlobkom il-għala tat-tama li għandkom. Imma wieġbu bil-ħlewwa u bir-rispett. Żommu safja l-kuxjenza tagħkom biex, meta jgħidu fuqkom, dawk stess li jkasbru l-imġiba tajba tagħkom fi Kristu jkollhom għalxiex jistħu. Jekk din tkun ir-rieda ta’ Alla, aħjar tbati għax tkun għamilt it-tajjeb milli għax tkun għamilt il-ħażin.

 

Għax Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet; hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

℟. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 14:23

 

Hallelujah. ℟. Hallelujah.

Jekk xi ħadd iħobbni, iħares kelmti, jgħid il-Mulej;

u Missieri jħobbu, u aħna niġu u ngħammru għandu.

℟. Hallelujah.

 

Evanġelju

Jiena nitlob il-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor.

Ġw 14:15-21

 

Qari mill-Evanġelju skond San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l-Ispirtu tal-verità, li d-dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. Ma nħallikomx iltiema. Nerġa’ niġi għandkom. Ftit ieħor, u d-dinja ma taranix aktar. Iżda intom għad tarawni, għax jiena ngħix, u intom ukoll għad tgħixu. F’dak il-jum intom tagħrfu li jiena f’Missieri, u intom fija u jiena fikom. Min iżomm il-kmandamenti tiegħi u jħarishom, dak hu li jħobbni; u min iħobb lili, iħobbu wkoll il-Missier, u jiena wkoll inħobbu u nurih lili nnifsi”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

℟. Tifħir lilek Kristu

 

Meta s-solennità ta’ Tlugħ il-Mulej fis-Sema tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd li ġej, illum jistgħu jinqraw it-tieni qari u l-Evanġelju tas-seba’ Ħadd tal-Għid.