Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Mhux Alla kien li għażel lill-foqra? Imma intom lill-fqir inqastuh mill-ġieħ!

Ġak 2, 1-9

 

Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu

 

Ħuti, tħalltux il-fidi f’Ġesù Kristu, il-Mulej tagħna tal-glorja, mal-ħarsien lejn l-uċuħ. Għax jekk fil-laqgħat tagħkom jidħol xi ħadd biċ-ċrieket tad-deheb f’subgħajh u bi lbies ilellex, imbagħad jidħol xi ħaddieħor fqir liebes imċerċer, u intom idduru ma’ dak bl-ilbies ilellex u tgħidulu: “Int oqgħod komdu bilqiegħda”, waqt li lill-fqir tgħidulu: “Int oqgħod bilwieqfa”, jew “Oqgħod bilqiegħda fuq il-mirfes ta’ riġlejja”, ma jidhrilkomx li tkunu qegħdin tagħmlu għażla bejniethom, u hekk issiru mħallfin qarrieqa?

 

Isimgħu, ħuti għeżież: mhux Alla kien li għażel lill-foqra għad-dinja biex jistagħnu fil-fidi u jsiru werrieta tas-Saltna li hu wiegħed lil dawk li jħobbuh? Imma intom lill-fqir inqastuh mill-ġieħ. Mhumiex l-għonja li jaħqrukom? Mhumiex huma li jkaxkrukom lejn il-qrati? Mhumiex huma li jżebilħu dak l-isem ta’ ġieħ li ġie msejjaħ fuqkom? Jekk tħarsu bir-reqqa l-aqwa liġi, skont ma hemm fl-Iskrittura: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek”, intom tkunu tagħmlu sewwa; imma jekk tħarsu lejn l-uċuħ, tidinbu, u l-Liġi tixlikom bħala nies li tkunu ksirtuha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 33 (34), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (7a): Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu

 

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Xandru l-kobor tal-Mulej miegħi;

ħa ngħollu ismu flimkien.

Jien fittixt il-Mulej, u weġibni,

minn kull biża’ tiegħi ħelisni. R/.

 

Ħarsu lejh u jiddi bil-ferħ wiċċkom,

u ma jkollkomx għax tistħu.

Dan il-fqajjar sejjaħ u l-Mulej semgħu,

u mid-dwejjaq tiegħu kollha ħelsu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 6, 63ċ.68ċ

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-kliem tiegħek huwa spirtu u ħajja.

Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Inti l-Messija … Bin il-bniedem ibati ħafna.

Mk 8, 27-33

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, telaq Ġesù flimkien mad-dixxipli tiegħu lejn l-irħula ta’ Ċesarija ta’ Filippu. Huma u mexjin, lid-dixxipli tiegħu għamlilhom din il-mistoqsija: “Min jgħidu n-nies li jien?” Weġbuh u qalulu: “Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, wieħed mill-profeti”.

 

Hu staqsiehom: “Imma intom, min tgħidu li jien?”. Qabeż Pietru u qallu: “Inti l-Messija”. Imbagħad ordnalhom ħafna biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuqu. U beda jgħallimhom fuq li kien meħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, ikun miċħud mill-anzjani u mill-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u wara tlitt ijiem jerġa’ jqum. Fuq dan kellimhom ċar. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu. Iżda hu dar iħares lejn id-dixxipli tiegħu, u ċanfar lil Pietru u qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu