It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

Il-Ġimgħa

 

Qari I

Dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha.

Iż 56, 1-3a.6-8

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

“Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,

għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,

u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ”.

Hieni r-raġel li jagħmel dan,

u l-bniedem li jżomm sħiħ fih,

iħares is-Sibt u ma jiksrux,

u jżomm idu ’l bogħod mill-għemil ħażin.

U ma jgħidx il-frustier li jintrabat mal-Mulej:

“Se jifridni l-Mulej mill-poplu tiegħu!”.

 

Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,

u biex iħobbu isem il-Mulej, u jkunu qaddejja tiegħu,

kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,

lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi,

u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi;

il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom

ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-altar tiegħi,

għax dari ‘dar it-talb’ tissejjaħ għall-popli kollha”.

Oraklu ta’ Sidi l-Mulej,

li jiġbor l-imxerrdin ta’ Iżrael;

“Nissokta niġbor l-itturufnati tiegħu

flimkien ma’ dawk li diġà ġbart”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 66 (67), 2-3.5.7-8

 

R/. (4): Ifaħħruk il-popli, o Alla, ifaħħruk il-popli kollha

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

 

L-art tat il-frott tagħha;

iberikna Alla, Alla tagħna!

Iberikna Alla, u tibża’ minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejja, Mulej, żurna bis-sliem,

biex naqbżu bil-ferħ quddiemek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġwanni kien musbieħ jixgħel u jiddi.

Ġw 5, 33-36

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil-Lhud: “Intom bgħattu tistaqsu lil Ġwanni, u hu ta xhieda għall-verità. Mhux għax jien għandi bżonn ix-xhieda ta’ bniedem, imma qiegħed ngħidilkom dan għas-salvazzjoni tagħkom. Għax dak kien musbieħ jixgħel u jiddi, u intom, għal ftit, ridtu tifirħu bid-dawl tiegħu. Iżda jien għandi xhieda akbar minn dik ta’ Ġwanni; għax l-għemejjel li tani l-Missier biex intemmhom, jiġifieri dawn l-istess għemejjel li jiena qiegħed nagħmel, jixhdu għalija li kien il-Missier li bagħatni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu