It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent
Il-Ħamis
Qari I
Bħal mara mitluqa sejjaħlek il-Mulej.
Iż 54, 1-10
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Ifraħ int, mara bla tfal
li ma wlidtx;
infexx għanni u għajjat bil-ferħ,
int li qatt ma ħassejt uġigħ il-ħlas!
Għax ħafna aktar huma wlied
il-mitluqa
minn ulied il-miżżewġa, jgħid
il-Mulej.
Kabbar il-post tal-għarix tiegħek,
wessa’ t-tined tal-għamajjar tiegħek, tibżax għalihom;
tawwal il-ħbula tiegħek, waħħal tajjeb il-kunjardi.
Għax lejn il-lemin għad tinfirex u lejn ix-xellug,
u nislek jiret il-ġnus,
u fl-ibliet mitluqa jgħammar.
Tibżax, int
ma jkollokx mniex tistħi!
Tħammarx aktar wiċċek, għax għajb ma jkollokx aktar.
Int għad tinsa l-għajb ta’ rmulitek,
ma tiftakarx iżjed fil-mistħija tar-romol tiegħek.
L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,
Jaħweh tal-eżerċti
jismu;
il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael,
Alla tal-art kollha jissejjaħ.
Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha sejjaħlek il-Mulej.
Jista’ wieħed
jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?
– jgħid
il-Mulej Alla tiegħek.
Għal ftit jien tlaqtek;
imma bi mħabba bla qjies jien
nerġa’ niġbrok
Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek;
bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik,
jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.
Dan għalija bħal fi żmien Noè,
meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.
Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,
u lanqas ma nċanfrek.
Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet,
imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,
u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżiżx,
jgħid il-Mulej li jħenn għalik.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 29 (30), 2 u 4.5-6.11-12a u 13b
R/. (2a): Ngħollik,
Mulej, għax erfajtni
Ngħollik, Mulej,
għax erfajtni,
u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.
Mulej, tellajtli
mill-mewt ’il
ruħi,
ħlistni minn fost dawk li jinżlu
fil-ħofra. R/.
Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,
faħħru l-isem imqaddes tiegħu.
Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,
iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.
Fil-għaxija jidħol il-biki,
fil-għodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. R/.
Ismagħni, Mulej,
u ħenn għalija;
kun, Mulej,
l-għajnuna tiegħi.
Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,
Mulej, Alla
tiegħi, infaħħrek
għal dejjem! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Lq 3, 4.6
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu;
u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġwanni hu l-messaġġier li jħejji
triq il-Mulej.
Lq 7, 24-30
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
Xħin il-messaġġiera
ta’ Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Imma intom xi ħriġtu
taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu
sabiħ, u jgħixu
fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten
issibhom! Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta?
Iva, ngħidilkom, anzi
xi ħaġa iżjed
minn profeta.
Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara,
jiena nibgħat qablek il-messaġġier tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek”. Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa
ma hemm ħadd akbar minn
Ġwanni. U b’danakollu
l-iżgħar wieħed
fis-Saltna ta’ Alla hu akbar
minnu”.
Meta semgħu dan, il-poplu kollu
u sa l-istess
pubblikani għarfu l-ġustizzja ta’ Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta’ Ġwanni.
Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom,
ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta’ Ġwanni.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu