It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

L-Erbgħa

 

Qari I

Qattru, smewwiet, mill-għoli.

Iż 45, 6b-8.18.21b-25

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

“Jiena l-Mulej, m’hemmx ieħor ħliefi.

Jien sawwart id-dawl u ħlaqt id-dlam;

jien nagħmel ir-riżq u noħloq id-deni;

jiena l-Mulej, li nagħmel dan kollu.

Qattru, smewwiet, mill-għoli,

u jraxxax is-sħab il-ġustizzja;

tinfetaħ l-art u tinbet is-salvazzjoni,

u tinbet magħha l-ġustizzja.

Jiena l-Mulej, jien ħlaqtha”.

Għax dan jgħid il-Mulej

li ħalaq is-smewwiet;

Hu li hu tassew Alla,

li sawwar l-art, għamilha u wettaqha,

ma ħalaqhiex għall-baħħ,

sawwarha biex jgħammru fiha:

“Jien hu l-Mulej, u m’hemm ħadd ħliefi!

Mhux jien il-Mulej?

U ma hemm ebda Alla ħliefi;

Alla ġust u salvatur, ma hemm ħadd għajri.

Duru lejja mill-ġdid, truf kollha tal-art,

u intom tkunu salvi!

għax jien hu Alla, u ma hemm ħadd ħliefi!

Bija nnifsi ħlift,

minn fommi ħarġet il-ġustizzja,

u l-kelma ma terġax lura:

għax quddiemi tiltewa kull irkoppa,

bija jaħlef kull ilsien”.

Għalija għad jgħidu: “Fil-Mulej waħdu hemm il-ħaqq u l-qawwa!”

Għandu għad jiġu, kollhom mistħija,

dawk kollha li nkurlaw għalih.

Fil-Mulej isib il-ġustizzja

u jitfaħħar in-nisel kollu ta’ Iżrael.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

 

R/. (Iż 45, 8): Qattru, smewwiet, mill-għoli,

u jraxxax is-sħab il-ġustizzja

 

Ħa nisma’ xi jgħid Alla;

il-Mulej is-sliem ixandar.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

 

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

 

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Iż 40, 9-10

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba;

hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu.

Lq 7, 19-23

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġwanni sejjaħ tnejn mid-dixxipli tiegħu u bagħathom għand il-Mulej biex jistaqsuh: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”. Kif dawk it-tnejn waslu ħdejh qalulu: “Ġwanni l-Battista bagħatna għandek biex nistaqsuk: “Inti huwa dak li għandu jiġi, jew nistennew lil ħaddieħor?”.

 

Dak il-ħin stess Ġesù fejjaq ħafna nies mill-mard, mit-tbatijiet u mill-ispirti ħżiena, u lil bosta għomja għoġbu jagħtihom id-dawl. Imbagħad wieġeb u qalilhom: “Morru agħtu lil Ġwanni l-aħbar ta’ dak li rajtu u smajtu; kif l-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-lebbrużi jfiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u kif il-bxara t-tajba qiegħda tixxandar lill-fqar. Hieni hu min ma jitfixkilx minħabba fija!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu