L-Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Lil ulied il-frustier inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi.

Is 56, 1.6-7

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

 

Dan jgħid il-Mulej:

Żommu s-sewwa u agħmlu l-ġustizzja,

għax is-salvazzjoni tiegħi għoddha waslet,

u l-ġustizzja tiegħi dalwaqt tfeġġ.

Ulied il-frustier li ntrabtu mal-Mulej biex jaqduh,

u biex iħobbu isem il-Mulej,

u jkunu qaddejja tiegħu,

kull min iħares is-Sibt u ma jiksrux

u jżomm sħiħ fil-patt tiegħi,

lil dawn inwassalhom sal-muntanja mqaddsa tiegħi,

u nferraħhom f’dar it-talb tiegħi.

Il-vittmi maħruqa u s-sagrifiċċji tagħhom

ikunu jogħġbuni telgħin minn fuq l-artal tiegħi,

għax dari dar it-talb tissejjaħ għall-popli kollha”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 66 (67), 2-3.5.6.8

 

R/. (4): Ifaħħruk il-popli kollha, o Alla

 

Iħenn għalina Alla, u jberikna;

idawwar għal fuqna d-dija ta’ wiċċu!

Biex jingħarfu fuq l-art triqatek,

fost il-ġnus kollha s-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Jithennew il-ġnus u jgħannu bil-ferħ,

għax trieġi l-popli bis-sewwa,

u l-ġnus fuq l-art inti tmexxihom. R/.

 

Ifaħħruk il-popli, o Alla,

ifaħħruk il-popli kollha.

Iberikna Alla, u tibża’ minnu

l-art kollha minn tarf għall-ieħor! R/.

 

Qari II

Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa li ta lil Iżrael.

Rum 11, 13-15.29-32

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, issa ngħid lilkom, il-pagani. Sakemm jiena appostlu tal-pagani nibqa’ nagħmel ġieħ lill-ministeru tiegħi, bit-tama li nqajjem l-għira ta’ ġensi u hekk insalva lil xi wħud minnhom. Għax jekk it-tkeċċija tagħhom ġiebet il-ħbiberija tad-dinja ma’ Alla, l-ilqugħ tagħhom mill-ġdid xi jkun ifisser, jekk mhux ħajja mill-imwiet?

 

Alla ma jreġġax lura d-doni u s-sejħa tiegħu. Bħalma fl-imgħoddi intom ma kontux tobdu lil Alla, imma issa sibtu l-ħniena tiegħu minħabba d-diżubbidjenza tagħhom; hekk huma wkoll m’humiex jobduh minħabba l-ħniena li sibtu intom mingħandu, ħalli issa huma wkoll isibu l-ħniena.

 

Għax Alla ħalla ’l kulħadd fil-jasar tad-diżubbidjenza, biex jagħmel ħniena ma’ kulħadd.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 23

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġesù dar il-Galilija kollha jgħallem fis-sinagogi tagħhom,

ixandar l-Evanġelju tas-Saltna

u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija fost il-poplu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mara, il-fidi tiegħek kbira.

Mt 15, 21-28

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn Tir u Sidon. U ħarġet waħda mara Kangħanija minn dawk l-inħawi, u qabdet tgħajjat u tgħid: “Ħenn għalija, Mulej, Bin David; binti għandha fiha xitan, u magħdura ħafna!”. Iżda hu ma weġibhiex kelma. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu, jitolbuh u jgħidulu: “Eħles minnha, għax ġejja tgħajjat warajna”. Imma hu qalilhom: “Ma ġejtx mibgħut ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Iżrael”.

 

Iżda hi resqet, inxteħtet quddiemu u qaltlu: “Għinni Mulej!”. Hu weġibha: “Mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi”.Hekk hu, Mulej – qaltlu – iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!”. Imbagħad wieġeb Ġesù u qalilha: “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq”. U minn dak il-ħin stess bintha fieqet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu