Il-Ħames Ġimgħa tal-Għid

Is-Sibt

 

Qari I

Ejja l-Maċedonja u għinna!

Atti 16, 1-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu wasal sa Derbi u Listra. Hemmhekk kien hemm dixxiplu jismu Timotju, bin mara Lhudija li kienet temmen, imma li missieru kien Grieg. Hu kellu fama tajba mal-aħwa ta’ Listra u Ikonju. Pawlu ried jieħdu miegħu. Għalhekk qabad u għamillu ċ-ċirkonċiżjoni minħabba l-Lhud ta’ dawk l-inħawi, għax kollha kienu jafu li missieru kien Grieg.

 

Huma u għaddejjin mill-ibliet, bdew jgħarrfuhom bid-digrieti tal-appostli u l-presbiteri ta’ Ġerusalemm u jħeġġuhom biex iħarsuhom. Hekk il-knejjes kienu jitwettqu fil-fidi u jiżdiedu flg ħadd kuljum.

 

Qasmu mbagħad il-Friġja u l-art tal-Galazja, għax l-Ispirtu s-Santu ma ħallihomx ixandru l-kelma fl-Asja. Kif waslu fl-inħawi ta’ Misja, ippruvaw jidħlu f’Bitinja, imma l-Ispirtu ta’ Ġesù ma ħallihomx.

 

Għalhekk għaddew minn Misja u niżlu Troas. Billejl Pawlu kellu viżjoni; ra raġel mill-Maċedonja, wieqaf, jitolbu hekk: “Ejja l-Maċedonja u għinna!”. Malli ra din il-viżjoni, malajr fittixna nitilqu lejn il-Maċedonja, għax fhimna tajjeb li Alla kien sejħilna biex immorru nxandrulhom l-Evanġelju.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 99 (100), 1-2.3.5

 

R/. (2a): Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

 

Għax twajjeb il-Mulej,

għal dejjem it-tieba tiegħu;

minn żmien għal żmien il-fedeltà tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Kol 3, 1

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu,

fittxu l-ħwejjeġ tas-sema,

fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

M’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja.

Ġw 15, 18-21

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom. Kieku intom kontu tad-dinja, id-dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-dinja, għax jien ħriġtkom mid-dinja, id-dinja tobgħodkom. Ftakru fil-kelma li għedtilkom: il-qaddej mhuwiex akbar minn sidu. Jekk ippersegwitaw lili, għad jippersegwitaw lilkom ukoll; jekk ħarsu l-kelma tiegħi, għad iħarsu tagħkom ukoll. Imma dan kollu għad jagħmluhulkom minħabba f’ismi, għax huma ma jafux lil dak li bagħatni”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu