It-Tieni Ġimgħa tal-Għid

Il-Ġimgħa

 

Qari I

L-appostli ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù.

Atti 5, 34-42

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, wieħed Fariżew, jismu Gamaljel, mgħallem fil-Liġi u miġjub mill-poplu kollu, qam fis-Sinedriju u ordna li lill-appostli joħorġuhomil barra għal ftit. Imbagħad qal lil sħabu: “Irġiel ta’ Iżrael, iftħu għajnejkom x’sejrin tagħmlu lil dawn in-nies. Ftit żmien ilu qam Tewda u beda jgħid li hu xi ħaġa; u madwar erba mitt raġel qablu miegħu. Dan qatluh, u dawk kollha li kienu marru warajh tferrxu u ġew fix-xejn. Warajh ġie Ġuda l-Galilew, fi żmien iċ-ċensiment, u ġibed poplu sħiħ warajh. Lil dan ukoll qatluh, u xterdu dawk kollha li kienu marru warajh. Fuq dan li ġara issa, ngħidilkom: ħallukom minn dawn in-nies u itilquhom. Għax dan il-ħsieb jew ħidma tagħhom, jekk hi ġejja mill-bnedmin, għad tisfa fix-xejn; iżda jekk hi ġejja minn Alla, ma jseħħilkomx teqirduhom. Araw li ma ssibux ruħkom li qegħdin teħduha kontra Alla!.

 

Imbagħad qagħdu fuq il-parir tiegħu. Sejħu lill-appostli quddiemhom, u, wara li tawhom is-swat, ordnawlhom li ma jitkellmux fuq l-isem ta’ Ġesù; imbagħad telquhom. Iżda huma ħarġu minn quddiem is-Sinedriju ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù. U kuljum, fit-tempju u fi djarhom, kienu jgħallmu u jxandru bla waqfien li Ġesù hu l-Messija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.4.13-14

 

R/. (ara 4ab): Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej: li ngħammar fid-dar tiegħu

jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu. R/.

 

Nemmen li għad nara t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej,

żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 4, 4b

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,

iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla .

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù ħa l-ħobżiet u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; u kulħadd ħa kemm ried.

Ġw 6, 1-15

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù telaq lejn in-naħa l-oħra tal-baħar tal-Galilija, jew ta’ Tiberija. Ħafna nies marru warajh, għax raw is-sinjali li kien jagħmel bil-fejqan tal-morda. Ġesù telalejn l-għoljiet u qagħad hemm bilqiegħda mad-dixxipli tiegħu. Kien qrib l-Għid, il-festa tal-Lhud.

 

Ġesù rafagħajnejh, lemaħ kotra ta’ nies ġejja lejh, u qal lil Filippu: Mnejn nixtru l-ħobż biex dawn ikollhom x’jieklu?”. Dan qalhulu biex jippruvah, għaliex hu kien jaf x’sejjer jagħmel. Filippu wieġbu: Mitejn dinar ħobż ma jkunux biżżejjed għalihom biex kull wieħed minnhom jieħu xi ftit”.

 

Wieħed mid-dixxipli tiegħu, Indrì, ħu Xmun Pietru, qallu:Hawn tfajjel li għandu ħames ħobżiet tax-xgħir u żewġ ħutiet żgħar; imma dawn x’inhuma għal daqshekk nies?”. Qiegħdu n-nies bilqiegħda!”, qal Ġesù. Dik in-naħa kien hemm ħafna ħaxix. Għalhekk in-nies, xi ħamest elef raġel, qagħdu bilqiegħda.

 

Ġesù ħa l-ħobżiet, radd il-ħajr, u qassamhom lil dawk li kienu bilqiegħda; hekk ukoll għamel bil-ħut, u kulħadd ħa kemm ried. Meta xebgħu, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Iġbru l-loqom li baqa’, biex xejn ma jinħela”. Marru jiġbruhom, u mlew tnax-il qoffa bil-loqom li kien fadlilhom in-nies mill-ħames ħobżiet tax-xgħir wara li kienu kielu.

 

Għalhekk dawn in-nies, meta raw dan is-sinjal li għamel Ġesù, qalu: “Dan hu tassew il-Profeta li għandu jiġi fid-dinja!. Imma Ġesù, meta ntebaħ li kienu ġejjin biex jeħduh bilfors ħalli jagħmluh sultan, raġawarrab waħdu lejn l-għoljiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu