Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan
It-Tlieta
Qari I
Rajt l-ilma ħiereġ mit-tempju, u salvaw dawk kollha li fuqhom wasal dan
l-ilma.
Eżek 47, 1-9.12
Qari mill-Ktieb tal-Profeta
Eżekjel
F’dak iż-żmien, l-anġlu
ħadni lura ħdejn il-bieb tas-santwarju tal-Mulej; u ara, kien hemm l-ilma ħiereġ
minn taħt l-għatba tas-santwarju lejn il-Lvant – għax is-santwarju kien iħares lejn il-Lvant.
U l-ilma kien ħiereġ min-naħa tal-lemin tal-għatba, in-naħa tan-Nofsinhar tal-altar.
Imbagħad ħariġni mill-bieb
tat-Tramuntana u mexxieni
madwar, minn barra, sal-bieb ta’ barra li jħares lejn il-Lvant;
u l-ilma kien inixxi min-naħa tal-lemin tal-għatba. Xħin ħareġ dan
ir-raġel għan-naħa
tal-Lvant, kellu f’idu il-ħajt tal-qjies. Imbagħad qies
elf driegħ, u għaddieni
mill-ilma li kien jilħaq sal-għekiesi. Raġa’
qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaq sa
rkupptejja. Qies elf oħra, u għaddieni mill-ilma jilħaqli sa ġenbejja. Imbagħad qies elf oħra,
u ma stajtx naqsam, għax l-ilma tant għola li kont tista’ tgħum fih, xmara li ma tistax taqsamha. Imbagħad qalli: “Rajtu
dan, o bniedem?”. U ħadni fuq xatt ix-xmara u rġajna lura.
U ara, kif konna rieġgħa
lura, rajt ħafna siġar ma’ xatt ix-xmara, fuq naħa u fuq oħra. U qalli:
“Dan l-ilma ħiereġ
lejn in-naħa tal-Lvant u nieżel lejn l-Għaraba; u meta jasal
fil-Baħar il-Mejjet b’dak l-ilma mielaħ,
l-ilma jsir
ilma ħelu. U jiġri li, kull fejn tgħaddi dik ix-xmara, kull
ħaġa ħajja li tiċċaqlaq tgħix;
u jkun hemm kotra kbira ta’ ħut, għax, minn kull
fejn jgħaddi dak l-ilma, l-ilma
jitjieb u jkun hemm il-ħajja minn kull
fejn tgħaddi x-xmara. Fuq iż-żewġt
ixtut tax-xmara jikbru siġar ta’ kull ġens ta’ frott; il-weraq tagħhom ma jidbielx, il-frott tagħhom ma jonqosx.
Kull xahar jagħmlu frott ġdid, għax l-ilma tagħhom ħiereġ mit-tempju, u l-frott
tagħhom ikun ikel, u l-weraq duwa”.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 45 (46), 2-3.5-6.8-9
R/. (8): Il-Mulej
tal-eżerċti magħna
Kenn u qawwa hu Alla għalina,
għajnuna kbira sibnieh fid-dwejjaq.
Għalhekk ma nibżgħux jekk
l-art titriegħed,
jew jiġġarrfu l-muntanji
f’nofs ta’ baħar. R/.
Hemm xmara li s-swieqi tagħha jferrħu l-belt
ta’ Alla,
l-għamara
qaddisa tal-Għoli.
Hemm Alla f’nofsha, ma titħarrikx;
jgħinha Alla mat-tbexbix tas-sebħ. R/.
Il-Mulej tal-eżerċti magħna,
fortizza għalina Alla
ta’ Ġakobb!
Ejjew, araw x’għamel
il-Mulej,
għemejjel tal-għaġeb fuq
l-art. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 50 (51), 12a u 14a
Glorja u tifħir lilek,
Kristu!
Oħloq fija qalb safja, o Alla;
roddli l-hena tas-salvazzjoni
tiegħek.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Minnufih dak ir-raġel fieq.
Ġw 5, 1-3a.5-16
Qari mill-Evanġelju skont
San Ġwann
Wasal jum ta’ festa għal-Lhud, u Ġesù tela’ Ġerusalemm. F’Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa
tal-Bieb tan-Nagħaġ,
hemm bini b’ħames loġoġ, li bil-Lhudi
jgħidulu Betzata. F’dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta’ morda, għomja, zopop u mifluġin.
U kien hemm raġel li kien ilu tmienja
u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu
marid dak iż-żmien kollu qallu: “Trid tfiq?”. Wieġbu l-marid: “Sinjur, ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa
xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer
jien ħaddieħor jinżel qabli”.
Qallu Ġesù: “Qum, aqbad friexek u imxi!”. Minnufih
dak ir-raġel fieq, qabad friexu
u beda miexi. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien
fieq: “Is-Sibt illum, u ma jiswiex
iġġorr friexek”. Iżda hu weġibhom:
“Dak li fejjaqni qalli: “Aqbad friexek u imxi”.
Huma staqsewh:
“Min hu dan il-bniedem li qallek: “Aqbad u imxi”?”. Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq
warrab billi hemmhekk kien hemm
ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù
sabu fit-tempju u qallu: “Ara, issa
fiqt, qis li ma tidnibx
iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar”. Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud
jagħtihom l-aħbar
li kien Ġesù li fejqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal
Ġesù, għax f’jum is-Sibt kien
jagħmel ħwejjeġ bħal dawn.
Il-Kelma
tal-Mulej
R/. Tifħir
lilek Kristu