Is-Sitt Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
L-Erbgħa
Qari I
Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss.
Ġak 1, 19-27
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
Kunu afu dan, ħuti għeżież. Araw li kull bniedem ikun ħafif biex jisma’, tqil biex jitkellem, tqil biex jinkorla. Għax bniedem inkurlat ma jagħmilx il-ġustizzja ta’ Alla. Neħħu għalhekk minn fuqkom kulma hu mniġġes u kull fdal ta’ ħażen, u ilqgħu bil-ħlewwa l-kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Għax jekk xi ħadd jisma’ l-kelma u ma jagħmilhiex, ikun bħal bniedem li jara f’mera l-wiċċ li bih twieled: jara lilu nnifsu, jitlaq, u malajr jinsa kif kien. Imma dak li jgħarbel sewwa l-liġi perfetta tal-ħelsien, u jżomm sħiħ magħha, ma jkunx wieħed li jisma’ biss u jinsa, iżda jkun wieħed li jagħmilha; hieni dan fl-għemil tiegħu. Jekk xi ħadd jidhirlu li hu reliġjuż, u lsienu ma jrażżnux u jqarraq b’qalbu, fiergħa hi r-reliġjon tiegħu. Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 14 (15), 2-3ab.3ċd-4ab.5
R/. (1b): Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu,
ma jagħmilx deni lil ġaru. R/.
Min ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.
Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Efes 1, 17-18
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu,
idawlilkom l-għajnejn ta’ qalbkom
biex tagħrfu x’inhi t-tama tas-sejħa tagħkom.
R/. Hallelujah
Evanġelju
L-agħma kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll.
Mk 8, 22-26
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, Ġesù u d-dixxipli waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f’għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: “Qiegħed tara xi ħaġa?”. Dak ħares ’il fuq u qal: “Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin”. Imbagħad raġa’ qegħedlu jdejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. Bagħtu lura lejn daru, u qallu: “Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu