It-Tielet Ġimgħa tal-Avvent

Il-Ħamis

 

Qari I

Bħal mara mitluqa sejjaħlek il-Mulej.

Iż 54, 1-10

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Ifraħ int, mara bla tfal li ma wlidtx;

infexx għanni u għajjat bil-ferħ,

int li qatt ma ħassejt uġigħ il-ħlas!

Għax ħafna aktar huma wlied il-mitluqa

minn ulied il-miżżewġa, jgħid il-Mulej.

Kabbar il-post tal-għarix tiegħek,

wessa’ t-tined tal-għamajjar tiegħek, tibżax għalihom;

tawwal il-ħbula tiegħek, waħħal tajjeb il-kunjardi.

Għax lejn il-lemin għad tinfirex u lejn ix-xellug,

u nislek jiret il-ġnus,

u fl-ibliet mitluqa jgħammar.

Tibżax, int ma jkollokx mniex tistħi!

Tħammarx aktar wiċċek, għax għajb ma jkollokx aktar.

Int għad tinsa l-għajb ta’ rmulitek,

ma tiftakarx iżjed fil-mistħija tar-romol tiegħek.

L-għarus tiegħek il-Ħallieq tiegħek,

Jaħweh tal-eżerċti jismu;

il-feddej tiegħek, il-Qaddis ta’ Iżrael,

Alla tal-art kollha jissejjaħ.

Iva, bħal mara mitluqa u mdejqa f’qalbha sejjaħlek il-Mulej.

Jista’ wieħed jitlaq il-mara ta’ żgħożitu?

– jgħid il-Mulej Alla tiegħek.

Għal ftit jien tlaqtek;

imma bi mħabba bla qjies jien nerġa’ niġbrok

Fis-saħna tal-korla ħbejt wiċċi għal ftit minnek;

bi mħabba ta’ dejjem inħenn għalik,

jgħid il-Mulej, il-Feddej tiegħek.

Dan għalija bħal fi żmien Noè,

meta ħlift li l-ilma ma jerġax jgħarraq l-art.

Hekk naħlef issa li ma nisħonx aktar għalik,

u lanqas ma nċanfrek.

Jistgħu jitħarrku l-muntanji, jitheżżu l-għoljiet,

imma mħabbti minn miegħek ma titħarrikx,

u s-sliem tal-patt tiegħi ma jitheżiżx,

jgħid il-Mulej li jħenn għalik.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 29 (30), 2 u 4.5-6.11-12a u 13b

 

R/. (2a): Ngħollik, Mulej, għax erfajtni

Ngħollik, Mulej, għax erfajtni,

u ma ferraħtx l-għedewwa tiegħi bija.

Mulej, tellajtli mill-mewt ’il ruħi,

ħlistni minn fost dawk li jinżlu fil-ħofra. R/.

 

Għannu lill-Mulej, ħbieb tiegħu,

faħħru l-isem imqaddes tiegħu.

Għax ftit iddum is-saħna tiegħu,

iżda għomor sħiħ l-imħabba tiegħu.

Fil-għaxija jidħol il-biki,

fil-għodu jidwi l-għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Ismagħni, Mulej, u ħenn għalija;

kun, Mulej, l-għajnuna tiegħi.

Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi,

Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 3, 4.6

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu;

u l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġwanni hu l-messaġġier li jħejji triq il-Mulej.

Lq 7, 24-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

Xħin il-messaġġiera ta’ Ġwanni telqu, Ġesù qabad ikellem lin-nies fuq Ġwanni: “Xi ħriġtu taraw fid-deżert? Qasba tixxejjer mar-riħ? Imma intom xi ħriġtu taraw? Raġel liebes l-ilbies fin? Dawk li jilbsu sabiħ, u jgħixu fit-tlellix, fil-palazzi tas-slaten issibhom! Mela għalfejn ħriġtu? Biex taraw profeta? Iva, ngħidilkom, anzi xi ħaġa iżjed minn profeta. Dan hu li fuqu hemm miktub: “Ara, jiena nibgħat qablek il-messaġġier tiegħi biex iħejjilek it-triq quddiemek”. Ngħidilkom, li fost ulied in-nisa ma hemm ħadd akbar minn Ġwanni. U b’danakollu l-iżgħar wieħed fis-Saltna ta’ Alla hu akbar minnu”.

 

Meta semgħu dan, il-poplu kollu u sa l-istess pubblikani għarfu l-ġustizzja ta’ Alla, billi tgħammdu bil-magħmudija ta’ Ġwanni. Imma l-Fariżej u l-għorrief tal-Liġi ġiebu fix-xejn il-pjan li Alla kien fassal għalihom, ladarba ma laqgħux il-magħmudija ta’ Ġwanni.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu