15 ta’ Settembru
Il-Verġni Mqaddsa Marija tad-Duluri
Tifkira (O)
Qari I
Lhud 5:7-9
Qari mill-Ittra lil-Lhud
Meta kien jgħix fuq din
l-art, Kristu offra talb u suppliki b'leħen għoli u bid-dmugħ
lil dak li seta' jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima
tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata
xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur
tas-salvazzjoni ta' dejjem għal kull min jisma' minnu.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Inroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 30, 2-6; 15-16.20
R/. Fit-tjieba
tiegħek, Mulej, salvani.
Fik, Mulej, jien nistkenn;
ma jkolli qatt għax nirgħex.
Fil-ġustizzja tiegħek salvani,
agħtini widen u fittex eħlisni.
Kun blata tal-kenn għalija,
fortizza qawwija ta' salvazzjoni. R/.
Inti l-blata u l-fortizza tiegħi;
f'ġieħ ismek mexxini u wassalni.
Oħroġni mix-xibka li ħbew
għalija,
għax inti l-qawwa tiegħi.
F'idejk jien nerħi ruħi;
int teħlisni, Mulej, Alla tas-sewwa. R/.
Imma
jien fik nittama,
Mulej;
jien ngħidlek: "Alla tiegħi int!"
F'idejk
hi xortija,
eħlisni
minn id l-għedewwa,
minn
id dawk li jeħduha kontrija. R/.
Kemm hu kbir il-ġid tiegħek, Mulej,
li inti rfajt għal min jibża' minnek,
li int ħejjejt għal min jafda fik,
quddiem il-bnedmin kollha! R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
Ġw 11:25a.26
Hallelujah. Hallelujah.
Il-Verġni mqaddsa Marija
Sultana tas-sema u Sidt id-dinja,
kienet wieqfa imbikkija ħdejn s-salib ta’ Sidna
Ġesù.
Hallelujah.
Evanġelju
Ġw 19:25-27 jew Lq 2:33-35
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
Kien hemm wieqfa ħdejn
is-salib ta’ Ġesù, ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa u Marija ta’
Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien
iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad
qal lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu
ħadha għandu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.