15 ta’ Awwissu
It-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija
Solennità
Qari I
Apok 11:19a; 12:1-6a,10ab
Qari
mill-Ktieb tal-Apokalissi
Infetaħ it-Tempju ta’ Alla, li hemm fis-sema, u dehret l-arka
tal-patt tiegħu fit-Tempju tiegħu. U deher sinjal kbir fis-sema:
mara, liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il
kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala, u bdiet tgħajjat
bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.
Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor: ara, Dragun kbir
minn lewn in-nar, b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq
irjusu. U b’denbu kines waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom
lejn l-art. U d-Dragun mar qagħad quddiem il-mara li kienet sa tiled, biex
kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad
irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid. U binha ġie
maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu. U l-Mara
ħarbet fid-deżert. U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid:
“Issa ġiet is-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna ta’ Alla tagħna u
s-setgħa tal-Messija tiegħu”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu
ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
Salm 44:10bc,11-12ab,16
R/.
F’lemintek is-Sultan, fid-dawl tal-glorja!
Ulied is-sultan jiġu jilqgħuk,
f’lemintek is-sultana mżejna b’deheb ta’
Ofir.
Isma’, binti, ħares u agħti widen,
insa ’l niesek u ’l dar missierek. R/.
Jixxennaq is-sultan għal ġmielek;
u għax hu sidek, agħtih qima.
Ix-xebbiet jiġu b’għana ta’
ferħ u għajat,
jidħlu fil-palazz tas-sultan. R/.
Qari II
1
Kor 15:20-26
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin
Ħuti, Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel fost dawk li
raqdu. Għaliex jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi
bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma
l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma
kulħadd skont kif imissu: l-ewwel, Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu,
meta jerġa’ jiġi. Imbagħad it-tmiem, meta Kristu jerħi
s-saltna f’idejn Alla l-Missier, wara li jkun qered kull ħakma u kull setgħa
u kull qawwa. Għax jeħtieġ li hu jsaltan “sa ma jqiegħed
l-għedewwa kollha taħt riġlejh”.
L-aħħar għadu li jinqered il-Mewt.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. Irroddu
ħajr lil Alla.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
R/. Hallelujah.
Marija ttellgħet fis-sema; jifirħu l-qtajja’ tal-anġli.
R/. Hallelujah.
Evanġelju
Lq 11:39-56
Qari
mill-Evanġelju skond San Luqa
F’dawk il-ġranet Marija qamet u marret tħaffef lejn
il-għoljiet, f’belt tal-Lhudija. Daħlet għand Żakkarija u
sellmet lil Eliżabetta. Malli Eliżabetta semgħet ’il Marija
ssellmilha, it-tarbija qabżet fi ħdanha, u Eliżabetta mtliet
bl-Ispirtu s-Santu; u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost
in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek! U minn fejn ġieni
dan li omm Sidi tiġi għandi? Għax ara, malli smajt f’widnejja
leħen it-tislima tiegħek, it-tarbija qabżet u tqanqlet
bil-ferħ fi ħdani. Iva, hienja dik li emmnet li jseħħ kulma
ntqalilha min-naħa tal-Mulej”.
Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor
tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja
tiegħu. Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel jibda jsejjaħli hienja,
għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar;
qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull
żmien fuq dawk li jibżgħu minnu. Hu wera l-qawwa ta’
driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom. Niżżel
is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla
ċ-ċkejknin. Mela b’kull ġid ’il min hu bil-ġuħ, u
l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn. Ħa ħsieb Iżrael, qaddej
tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu – bħalma
wiegħed ’il missirijietna – b’riżq Abraham u nislu
għal dejjem”.
Il-Kelma
tal-Mulej.
R/. It-tifħir
lilek, Kristu.