Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Jien-li-Jien! Jiena-Hu bagħatni għandkom.

Eżodu 3, 13-20

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, wara li Mosè sema’ l-leħen qalb l-għollieq wieġeb lil Alla: “Ara, jiena mmur għand ulied Iżrael u ngħidilhom: “Alla ta’ missirijietkom bagħatni għandkom”. U huma jistaqsuni: “X’jismu?. Jiena xi ngħidilhom?”. Alla wieġbu: “Jien-li-Jien”. U kompla jgħidlu:

Hekk għidilhom lil ulied Iżrael: “Jiena-Hu bagħatni għandkom.

 

U Alla kompla jgħidlu: “Hekk għandek tgħidilhom lil ulied Iżrael:“Jahweh, Alla ta’ missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, bagħatni għandkom”. Dan ikun ismi għal dejjem u dan l-isem ifakkarkom fija minn nisel għal nisel. Mur u iġbor ix-xjuħ ta’ Iżrael u għidilhom: “Il-Mulej, Alla ta’ Missirijietkom, Alla ta’ Abraham, Alla ta’ Iżakk, Alla ta’ Ġakobb, deherli u qalli: Ħsibt fikom u x’qegħdin jagħmlulkom fl-Eġittu. Jien inwegħedkom li ntellagħkom mit-tbatija tal-Eġittu, f’art il-Kangħanin, il-Ħittin u l-Amurrin, il-Periżżin, il-Ħiwwin u l-Ġebusin, f’art tnixxi ħalib u għasel”.

 

Huma jisimgħu kliemek, u int u x-xjuħ ta’ Iżrael tmorru għand is-sultan tal-Eġittu u tgħidulu: “Il-Mulej, Alla tal-Għebrej, iltaqa magħna. U issa, nitolbuk, ħallina nitbiegħdu tlitt ijiem mixi fid-deżert biex hemm noffru sagrifiċċji lill-Mulej Alla tagħna”. Jien naf li s-sultan tal-Eġittu ma jħallikomx toħorġu mingħajr ma jkun imgiegħel b’saħħa. Għalhekk jiena mmidd idejja u nolqot lill-Eġittu bl-għeġubijiet li nagħmel fih; wara dan il-Fargħun iħallikom tmorru”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105) 1u 5. 8-9.24-25.26-27

 

R/. (8a): Il-Mulej jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu

 

Faħħru l-Mulej u xandru ismu,

għarrfu lill-ġnus bl-għemejjel tiegħu.

Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel,

fl-għeġubijiet u l-ġudizzji tiegħu. R/.

 

Jiftakar għal dejjem fil-patt tiegħu,

fil-kelma li ta għal elf nisel,

fil-patt li għamel ma’ Abraham,

fil-wegħda li ħalef lil Iżakk. R/.

 

U kattar ħafna l-poplu tiegħu,

saħħu aktar mill-għedewwa tiegħu.

Dawrilhom qalbhom biex jobogħdu l-poplu tiegħu,

biex jimxu bil-qerq mal-qaddejja tiegħu. R/.

 

Bagħat lil Mosè, il-qaddej tiegħu,

u lil Aron, li hu kien għażel.

Wera bihom għeġubijietu

ħwejjeġ tal-għaġeb fl-art ta’ Ħam. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 11, 28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin,

u jiena nserraħkom, jgħid il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jiena ta’ qalb ħelwa u umli.

Mt 11, 28-30

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom. Għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu