Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Kristu ftaqar minħabba fikom.

2 Kor 8, 1-9

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Aħna għarrafnielkom, ħuti, il-grazzja ta’ Alla li ngħatat lill-knejjes tal-Maċedonja, għaliex fil-prova l-kbira tas-sofferenza, il-ferħ tagħhom kien kbir u l-faqar bla tarf tagħhom safa ta’ għana kbir biex taw minn qalbhom. Għaliex taw minn rajhom kemm setgħu, u, nixhidhulkom jien, aktar milli setgħu.

 

Talbuna b’ħeġġa kbira din il-grazzja, jiġifieri, li jissieħbu f’dan il-ministeru ta’ għajnuna lill-qaddisin, u aktar milli ttamajna aħna, huma taw ruħhom l-ewwel lill-Mulej, imbagħad lilna bir-rieda ta’ Alla. U hekk tlabna lil Titu, li beda dan ix-xogħol, biex itemm din il-ħidma ta’ ħniena fostkom.

 

Iżda bħalma intom għonja f’kollox, fil-fidi u fil-kelma, fl-għerf u fiż-żelu kollu, fl-imħabba li aħna rawwimna f’qalbkom, hekk għandkom tistagħnu f’din il-ħidma ta’ ħniena. M’iniex nordnalkom; iżda permezz tal-ħerqa li wera ħaddieħor, irrid nipprova kemm hi sinċiera l-imħabba tagħkom. Intom tafu l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, sabiex intom tistagħnu permezz tal-faqar tiegħu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 145 (146), 1b-2. 5-6.7.8-9a

 

R/. (1b): Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

 

Faħħar, ruħ tiegħi, il-Mulej!

Infaħħar il-Mulej tul ħajti kollha;

ngħanni lil Alla tiegħi kemm indum ħaj. R/.

 

Hieni min f’Alla ta’ Ġakobb isib l-għajnuna tiegħu,

min għandu t-tama fil-Mulej, Alla tiegħu,

li għamel is-sema, l-art u l-baħar,

u kulma jinsab fihom;

hu li jżomm kelmtu għal dejjem. R/.

 

Il-Mulej jagħmel ħaqq lill-maħqurin,

u jagħti l-ħobż lill-imġewħin.

Il-Mulej li jeħles lill-imjassrin. R/.

 

Il-Mulej li jiftaħ għajnejn l-għomja;

il-Mulej li jerfalill-milwijin;

il-Mulej li jħobb lill-ġusti;

il-Mulej li jħares lill-barranin. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej:

bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħobbu lill-għedewwa tagħkom.

Mt 5, 43-48

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: Smajtu x’intqal:Ħobb lil għajrek, u obgħod lill-għadu tiegħek. Imma jiena ngħidilkom: Ħobbu lill-għedewwa tagħkom, u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom, biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet; għax hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min mhuwiex.

 

Għax jekk intom tħobbu lil min iħobbkom, xi ħlas jistħoqqilkom? Mhux il-pubblikani wkoll jagħmluh dan? U jekk issellmu lil ħutkom biss, xi tkunu tagħmlu żejjed? Mhux il-pagani wkoll jagħmluh dan? Kunu mela perfetti, bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-smewwiet”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu