Il-Ħames Ħadd tal-Għid

 

Qari I

Għarrfu lill-Knisja b’dak kollu li Alla għamel magħhom.

Atti 14:21b-27

 

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

 

F’dak iż-żmien, Pawlu u Barnaba reġgħu lura lejn Listra, Ikonju u Antjokja, jagħmlu l-qalb lid-dixxipli u jħeġġuhom biex jibqgħu fil-fidi, għaliex, kif kienu jgħidulhom, “jeħtiġilna nbatu ħafna biex nidħlu fis-Saltna ta’ Alla”.

 

Għamlulhom ukoll presbiteri f’kull Knisja, u bit-talb u s-sawm ħallewhom f’idejn il-Mulej, li fih kienu emmnu. Imbagħad għaddew minn Pisidja u ġew fil-Pamfilja. Wara li xandru l-kelma f’Perġe, niżlu Attalija; minn hemm marru bil-baħar lejn Antjokja, mnejn kienu bagħtuhom u rrikkmandawhom f’idejn il-grazzja ta’ Alla għax-xogħol li temmew.

 

Meta waslu, laqqgħu l-membri tal-Knisja u qagħdu jgħarrfuhom b’dak kollu li Alla għamel magħhom, u wrewhom kif fetaħ il-bieb tal-fidi għall-pagani.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 144(145):8-9,10-11,12-13ab

 

R/.(ara 1): Imbierek ismek għal dejjem, Mulej.

jew

R/. Hallelujah, hallelujah, hallelujah.

 

Twajjeb u ħanin il-Mulej,

idum biex jagħdab u kollu tjieba.

Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,

tjubitu fuq kulma għamel. R/.

 

Kulma għamilt iroddlok ħajr, Mulej;

iberkuk il-ħbieb tiegħek kollha.

Is-sebħ tas-saltna tiegħek ixandru,

fuq is-setgħa tiegħek jitkellmu. R/.

 

Jgħarrfu lill-bniedem il-qawwa tiegħek,

u s-sebħ u l-ġmiel tas-saltna tiegħek.

Saltnatek hi saltna għaż-żminijiet kollha,

minn nisel għal nisel il-ħakma tiegħek. R/.

 

Qari II

Il-Mulej jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom.

Apok 21:1-5a

 

Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi ta’ San Ġwann Appostlu

 

Jiena, Ġwanni, rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha.

 

U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid:

“Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin!

Hu jgħammar magħhom,

u huma jkunu l-poplu tiegħu,

u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom.

Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom;

ma jkunx hemm iżjed mewt,

anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed,

għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel”.

 

Imbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: “Ara, se nġedded kollox”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 13:34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej,

li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin.

Ġw 13:31-33a,34-35

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

Kif ħareġ Ġuda miċ-ċenaklu, Ġesù qal: “Bin il-bniedem huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla. Jekk Alla huwa gglorifikat permezz ta’ Bin il-bniedem, Alla wkoll permezz tiegħu nnifsu għad jigglorifika lilu, u dalwaqt jigglorifikah. Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.