L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Hawn hu r-raġel li għedtlek: Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi.

1 Sam 9, 1-4.17-19; 10, 1a

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

Kien hemm raġel mit-tribù ta’ Benjamin li kien jismu Kis bin Abijel, bin Serur, bin Bekorat, bin Afijaħ, bin wieħed mit-tribù ta’ Benjamin, bniedem qalbieni u għani. U kellu iben jismu Sawl, żagħżugħ sabiħ, fl-aħjar tiegħu, u ma kienx hemm ieħor fost ulied Iżrael aħjar minnu; kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejhil fuq. Darba waħda Kis, missier Sawl, intilfulu xi ħmariet, u Kis qal lil Sawl ibnu: “Ħu miegħek wieħed mill-qaddejja, u aqbad u mur fittex il-ħmariet”.

 

Daru l-muntanji ta’ Efrajm u l-art ta’ Salisa, u ma sabu xejn; għaddew mill-art ta’ Sagħlim, xejn; u mill-art ta’ Benjamin, u ma sabu xejn. Malli Samwel ra lil Sawl, il-Mulej qallu: “Hawn hu r-raġel li għedtlek: Dan jaħkem fuq il-poplu tiegħi”.

 

U Sawl resaq fuq Samwel f’nofs il-bieb u staqsieh: “Għidli, jekk jogħġbok, fejn hi d-dar tal-veġġent”. Samwel wieġbu: “Jiena hu l-veġġent. Itla’ qabli fuq l-għolja. Illum tieklu miegħi. Inħallik tmur għada filgħodu kmieni u nurik kulma għndek f’qalbek”.

 

L-għada, filgħodu kmieni, Samwel ħa l-kus taż-żejt f’idejh u sawwabhulu fuq rasu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 20 (21), 2-3.4-5.6-7

 

R/. (2a): Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan

 

Mulej, bil-qawwa tiegħek jifraħ is-sultan;

kemm jithenna bir-rebħa tiegħek!

Ix-xewqa ta’ qalbu int qtajthielu,

ma ċħadtlux it-talba ta’ fommu. R/.

 

Għax inti lqajtu bil-barka u r-riżq,

kuruna ta’ deheb fin qegħedtlu fuq rasu.

Il-ħajja talbek, u int tajthielu,

għomor twil minn żmien għal żmien. R/.

 

Kbir hu sebħu bir-rebħa li tajtu;

ġieħ u ġmiel int tqiegħed fuqu.

Lilu tagħti barkiet għal dejjem,

tferrħu u thennih bis-sebħ ta’ wiċċek. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 4, 18

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Mulej bagħatni nwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin,

u rrodd il-ħelsien lill-maħqurin.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin.

Mk 2, 13-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù raġa’ ħareġ lejn xatt il-baħar, u n-nies kollha resqu lejh, u hu qagħad jgħallimhom. Hu u għaddej lemaħ lil Levi ta’ Alfew bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi u qallu: “Ejja warajja”. Dak qam u mar warajh. U ġara li kif kien fuq il-mejda fid-dar tiegħu, bosta pubblikani u midinbin qagħdu madwar il-mejda ma’ Ġesù, u mad-dixxipli tiegħu; għax kien hemm ħafna li bdew imorru warajh. Il-kittieba tal-Fariżej, kif rawh jiekol mal-midinbin u mal-pubblikani, qalu lid-dixxipli tiegħu: “Dan għaliex jiekol mal-pubblikani u mal-midinbin?”. Ġesù semagħhom u qalilhom: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda. Mhux il-ġusti ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu