It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

F’dak iż-żmien il-poplu tiegħek jinħeles.

Dan 12:1-3

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

 

F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek. Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb.

 

U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem. Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 15(16):5,8,9-10,11

 

R/.(1): Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn.

 

Mulej, inti s-sehem tal-wirt u r-riżq tiegħi,

inti żżomm f’idejk xortija.

Inżomm il-Mulej dejjem quddiemi,

għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

 

Hekk tifraħ qalbi u tithenna ruħi,

u ġismi wkoll jistrieħ fil-kwiet.

Għax int ma titlaqnix fl-imwiet,

ma tħallix il-maħbub tiegħek jara l-qabar. R/.

 

Int tgħallimni t-triq tal-ħajja;

hemm il-milja tal-ferħ quddiemek,

hemm l-għaxqa għal dejjem f’lemintek. R/.

 

Qari II

Kristu għamel perfetti għal dejjemil dawk li huwa jqaddes.

Lhud 10:11-14,18

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud

 

Kull qassis ieħor imur kuljum biex jaqdi l-ministeru tiegħu, u joffri u jerġajoffri l-istess sagrifiċċju, bla ma jistgħu qatt ineħħu d-dnubiet. Imma Kristu, wara li offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet, qagħad għal dejjem fuq in-naħa tal-lemin ta’ Alla, fejn qiegħed jistenna sa ma l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu mirfes taħt riġlejh. Għax hu b’offerta waħda għamel perfetti għal dejjem lil dawk li huwa jqaddes. Issa, fejn hemm il-maħfra tad-dnubiet, ma hemmx għalfejn issir aktar l-offerta għad-dnubiet.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21:36

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ishru u itolbu l-ħin kollu,

biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri

u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ.

Mk 13:24-32

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jibdew jaqgħu mis-sema, u l-qawwiet tas-smewwiet jitqallbu. Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-sħab b’qawwa kbira u bi glorja. U mbagħad jibgħat l-anġli biex jiġbor flimkien il-maħturin tiegħu mill-erbat irjieħ, minn tarf l-art sa tarf is-sema.

 

Mis-siġra tat-tin tgħallmu din il-parabbola. Meta l-fergħa tagħha tirtab u tarmi l-weraq, intom tintebħu li s-sajf fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li hu fil-qrib, fil-bieb. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel qabel ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix. Dwar dak il-jum u s-siegħa ħadd ma jaf meta se jaslu, anqas l-anġli fis-sema, u anqas l-Iben; ħadd ħlief il-Missier”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.