It-Tmienja u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

L-Erbgħa

 

Qari I

Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu.

Gal 5, 18-25

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin

 

Ħuti, jekk lilkom imexxikom l-Ispirtu, m’intomx taħt il-Liġi. L-għemejjel tal-ġisem huma magħrufa: żína, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għejra, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn. Inwissikom, bħalma wissejtkom qabel, min jagħmel dawn il-ħwejjeġ ma jiritx is-saltna ta’ Alla.

 

Il-frott tal-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan. Kontra dawn ma hemmx Liġi. Dawk li huma ta’ Kristu Ġesù sallbu l-ġisem bil-ġibdiet u l-passjonijiet tiegħu. Jekk ngħixu bl-Ispirtu, ħalli nimxu bl-Ispirtu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 1, 1-2.3.4 u 6

 

R/. (ara Ġw 8, 12): Min jiġi warajk, Mulej, ikollu d-dawl tal-ħajja

 

Hieni l-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena,

li ma jiqafx fi triq il-ħatjin,

li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa;

imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu,

lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu. R/.

 

Hu bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat tal-ilma

li tagħmel il-frott fi żmienha,

u l-weraq tagħha ma jidbielx;

hu jirnexxi f’kulma jagħmel. R/.

 

Mhux hekk il-ħżiena, mhux hekk;

iżda huma bħal tibna li jtajjarha r-riħ.

Għax triq it-tajbin il-Mulej jafha;

imma triq il-ħżiena tintemm fix-xejn. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 10, 27

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej,

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi!

Lq 11, 42-46

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, il-Mulej qal:  “Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħallsu d-dieċmi fuq in-nagħniegħ u l-fejġel u fuq kull xorta ta’ ħxejjex, u mbagħad għal dik li hi ġustizzja u mħabba ta’ Alla tħallu kollox għaddej. Dawn kien imisskom tħarsu, mingħajr ma tħallu l-oħrajn barra. Ħażin għalikom intom il-Fariżej! Intom tħobbu s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u min isellmilkom fil-pjazez. Ħażin għalikom! Qiskom l-oqbra, li ma tagħrafhomx, u n-nies tgħaddi minn fuqhom bla ma tintebaħ bihom”.

 

Qabeż wieħed mill-għorrief tal-Liġi u qallu: “Mgħallem, b’dan li qiegħed tgħid qiegħed tgħajjar lilna wkoll”. Qallu Ġesù: “Ħażin għalikom ukoll intom l-għorrief tal-Liġi! Intom tgħabbu n-nies b’tagħbijiet li bilkemm wieħed jiflaħhom u li intom stess anqas b’saba’ wieħed ma tmissuhom!”

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu