14 ta’ Settembru

Ezaltazzjoni tas-Salib Imqaddes

Festa

 

Qari I

Numri 21:4b-9

 

Qari mill-Ktieb tan-Numri

 

F’dak iż-żmien,

x’ħin refgħu il-kamp

u telqu minn ħdejn il-muntanja Ħor,

l-Iżraelin għaddew mat-triq tal-Baħar tal-Qasab

biex jeħduha bid-dawra mal-art ta’ Edom,

imma l-poplu ddejjaq jimxi,

u beda jgerger kontra Alla u kontra Mosè: 

«Għala tellajtuna mill-Eġittu biex immutu fid-deżert? M’hawnx ħobż u lanqas ilma; aħna xbajna b’dan l-ikel ħafif.»

 

U l-Mulej bagħat sriep velenużi f’nofs il-poplu

u bdew jigdmuhom;

u mietu ħafna mill-poplu ta’ Iżrael. 

U l-poplu mar għand Mosè, u qalulu: 

«Dnibna għax tkellimna kontra l-Mulej

u kontra tiegħek.

Itlob lill-Mulej ħa jwarrab is-sriep minn fostna.» 

U Mosè mar jitlob għall-poplu.

 

U l-Mulej kellem lil Mosè u qallu: 

«Agħmel serp tal-bronż velenuż,

u arbulah bħal stendard;

u kull min jingidem u jħares lejh ifiq u jgħix.» 

U Mosè għamel serp tal-bronż,

u arbulah bħal stendard.

U ġara li kull min kien jigdmu s-serp

kien iħares lejn is-serp tal-bronż,

u kien ifiq u jgħix.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 77, 1-2, 34-38

 

R/. Tinsewx l-għemejjel kbar ta’ Alla.

 

Poplu tiegħi, agħtu widen għal-liġi tiegħi,

iftħu widnejkom għal kliem fommi.

Niftaħ fommi biex inxandar kliem l-għerf;

nitkellem fuq ħwejjeġ moħbija mill-qedem.  R/.

 

Kienu jfittxuh meta kien jeqridhom,

kienu jindmu u jfittxu lill Alla bil-ħerqa;

kienu jiftakru li Alla l-blata tagħhom,

Alla l-Għoli l-feddej tagħhom.    R/.

 

Imma kienu jqarrqu bih bi kliemhom,

kienu jigdbulu bi lsienhom.

Għax qalbhom ma kinitx sewwa miegħu,

ma kinux fidili mal-patt tiegħu.R/.

 

Iżda hu kien iħenn u jaħfrilhom il-ħtija,

ma kienx jasal biex jeqridhom;

ħafna drabi kien iżomm il-korla,

ma kienx jixgħel qilltu kollha.  R/.

 

Qari II

Fil 2:6-11

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Filippin

 

Ġesù Kristu li kellu n-natura ta’ Alla,

ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla,

iżda xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir;

sar jixbah lill-bnedmin,

u deher minn barra bħala bniedem;

ċekken lilu nnifsu,

billi obda sal-mewt,

anzi sal-mewt tas-salib.

Għalhekk Alla għollieh sas-smewwiet

u żejnu bl-Isem  li hu fuq kull isem,

biex fl-isem ta’ Ġesù

- fis-sema, fl-art u f’qiegħ l-art -

il-ħlejjaq kollha jinżlu għarrkubbtejhom,

u kull ilsien jistqarr:

«Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja ta’ Alla l-Missier.»

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni għall-Evanġelju

 

Hallelujah. Hallelujah.

Nadurawk, Kristu, u nberkuk,

għax b’salibek fdejt lid-dinja.

Hallelujah.

 

Evanġelju

Ġw 3:14-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu:

«Ħadd ma tela’ s-sema ħlief Bin il-bniedem,

li niżel mis-sema.

U kif Mosè rafa’ s-serp fid-deżert,

hekk jeħtieġ li jkun merfugħ Bin il-bniedem,

biex kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.

Għax Alla hekk ħabb lid-dinja

li ta lil Ibnu l-waħdieni,

biex kull min jemmen fih ma jintilifx,

iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.»

Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja

biex jagħmel ħaqq mid-dinja,

imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu.»

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu.