Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Jekk ma temmnux, ma tibqgħux sħaħ.

Is 7, 1-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

 

Fi żmien Aħaż bin Ġotam, bin Għużżija, sultan ta’ Ġuda, ġara li Resin, sultan ta’ Aram, u Pekaħ bin Remalija, sultan ta’ Iżrael, telgħu Ġerusalemm biex jaħbtu għaliha, imma ma felħux għaliha. U wasslu l-aħbar f’dar David u qalulu: “Aram waqqaf il-kamp f’Efrajm”. U qalbu u qalb il-poplu triegħdu bħalma jitriegħdu l-friegħi fil-masġar bir-riħ.

 

U l-Mulej qal lil Iżaija: “Mur iltaqa’ ma’ Aħaż, int u ibnek Sijarjasub, f’tarf is-sieqja tal-ġiebja l-fuqanija, fuq triq l-għalqa tal-Ħassiel. U għidlu: “Qis li sserraħ rasek, la tibżax, la taqtax qalbek quddiem dawk iż-żewġt ifdal ta’ ħatbiet idaħħnu, mill-qilla tar-rabja ta’ Resin, ta’ Aram u ta’ bin Remalija. Għax Aram, Efrajm u bin Remalija nasbu d-deni kontrik u qalu: Ħa nitilgħu għal Ġuda, naħtfuha f’idejna, u nġegħluha toqgħod għalina, u nqiegħdu sultan fuqha lil bin Tabal.

 

Dan jgħid Sidi l-Mulej: Dan ma jseħħx u ma jkun qatt!

Għax ras Aram Damasku,

u ras Damasku Resin;

ħamsa u sittin sena oħra u Efrajm isir bċejjeċ, ma jibqax poplu.

U ras Efrajm Samarija,

u ras Samarija bin Remalija.

Jekk ma temmnux, ma tibqgħux sħaħ”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 47 (48), 2-3a.3b-4.5-6.7-8

 

R/. (9d): Alla jżomm il-belt tiegħu sħiħa għal dejjem!

 

Kbir il-Mulej, ta’ min ifaħħru ħafna

fil-belt ta’ Alla tagħna.

L-għolja qaddisa tiegħu,

għolja mill-isbaħ, l-għaxqa tal-art kollha. R/.

 

L-għolja ta’ Sijon fil-qalba tat-Tramuntana;

hi l-belt tas-sultan il-kbir.

Alla fil-fortizzi tagħha

wera ruħu bħal sur qawwi. R/.

 

Ara, is-slaten ingħaqdu,

imxew ilkoll flimkien;

kif rawha, baqgħu mistagħġba,

tfixklu u ħarbu. R/.

 

Hemm qabdithom rogħda kbira,

u wġigħ bħal dak tal-ħlas.

Bir-riħ tal-Lvant int tfarrak

l-iġfna ta’ Tarsis. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon u għall-art ta’ Sodoma milli għalikom.

Mt 11, 20-24

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom: Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies tal-ixkejjer u l-irmied. Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħ nett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sal-lum. Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma milli għalik!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu