Il-Ħdax-il Ġimgħa taż-Żmien
ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn
Qari I
Inqisu ruħna
bħala ministri ta’ Alla.
2 Kor 6, 1-10
Qari mit-Tieni
Ittra ta’ San Pawl Appostlu
lill-Korintin
Ħuti,
ladarba
qegħdin naħdmu flimkien ma’ Alla, aħna mela nħeġġukom
biex ma tirċevux il-grazzja tiegħu għal xejn. Għax hu jgħid:
“Fiż-żmien it-tajjeb
smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek”. Araw,
issa hu ż-żmien it-tajjeb; araw, issa hu
jum is-salvazzjoni! Aħna
xejn ma nagħmlu li jista’ jkun ta’ tfixkil lil xi ħadd, biex il-ministeru
tagħna ma jaqax fl-għajb. F’kollox inqisu ruħna bħala ministri
ta’ Alla, bis-sabar kollu fit-tiġrib, fit-tbatija, fid-diqa, fis-swat,
fil-ħabsijiet, fit-tixwix,
fit-taħbit, fis-sahriet
bla rqad, fis-sawm;
bis-safa tal-qalb, bl-għerf, bis-sabar, bil-ħlewwa, bi spirtu qaddis,
bl-imħabba sinċiera,
bil-kelma tas-sewwa, bil-qawwa ta’ Alla,
bl-armi tal-ġustizzja fuq il-lemin u fuq ix-xellug, fil-ġieħ u fl-għajb,
kemm jekk jgħidu l-ħażin u kemm jekk jgħidu
t-tajjeb fuqna; iżommuna
bħala nies qarrieqa, lilna li ngħidu s-sewwa; bħala nies li ma jafhom
ħadd, għad li kulħadd jafna; bħala nies f’xifer il-mewt, għad
li aħna ħajjin; bħala nies ikkastigati, għad li m’aħniex mogħtijin għall-mewt;
bħala nies imdejqa, għad li dejjem ferħana; bħala nies foqra,
għad li nagħmlu għonja lil ħafna; bħala nies li ma għandhom xejn,
għad li kollox huwa tagħna!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 97 (98), 1.2-3ab.3ċd-4
R/. (2a): Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu
Għannu
lill-Mulej għanja ġdida,
għax
għamel ħwejjeġ
tal-għaġeb.
Ġibitlu
r-rebħa l-leminija tiegħu,
u
d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.
Għarraf
il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,
f’għajnejn
il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.
Ftakar
fit-tieba u l-fedeltà tiegħu
mal-poplu ta’ Iżrael. R/.
L-art kollha, minn tarf
għall-ieħor,
rat
is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.
Għajtu
bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,
infexxu
fil-hena, ifirħu u għannu! R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Salm 118 (119), 105
Hallelujah. R/. Hallelujah
Fanal
għal riġlejja l-kelma tiegħek,
u
dawl fil-mogħdija tiegħi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Jiena ngħidilkom
biex bniedem ħażin ma tiqfulux.
Mt 5, 38-42
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak
iż-żmien, Ġesù
qal lid-dixxipli tiegħu: “Smajtu
x’intqal: ‘Għajn
b’għajn u sinna b’sinna”. Imma jiena ngħidilkom biex bniedem ħażin ma tiqfulux; anzi jekk xi ħadd
jagħtik daqqa ta’ ħarta
fuq
ħaddek tal-lemin, dawwarlu l-ieħor ukoll; u lil min ikun irid itellgħek
il-qorti u jeħodlok il-libsa, ħallilu wkoll il-mantar. U jekk
xi ħadd iġagħlek
timxi miegħu mil wieħed, mur
miegħu tnejn. Agħti
lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid
jissellef mingħandek”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu