14 ta’ Mejju
San Mattija, Appostlu
Festa
Qari I
Atti 1: 15-17. 20-26
Qari mill-Ktieb tal-Atti
tal-Appostli
F’dawk il-jiem, Pietru qam quddiem
il-ġemgħa tal-aħwa, li kien fiha b’kollox madwar mija u
għoxrin ruħ, u qalilhom: “L-aħwa, jeħtieġ li
jseħħ dak li nkiteb, dak li l-Ispirtu s-Santu ħabbar b’fomm
David fuq Ġuda, li kien il-mexxej ta’ dawk li qabdu ’l Ġesù.
Għax hu kien wieħed minna u kellu sehmu f’dan il-ministeru
tagħna. Hemm miktub fil-Ktieb tas-Salmi: ‘Ħa ssir ħerba
l-għamara tiegħu; ma jkunx hemm min jgħammar fiha’; u wkoll:
‘Ħa jeħodlu ħaddieħor ix-xogħol tiegħu.’
Jeħtieġ
għalhekk li wieħed minn dawk li ssieħbu magħna tul
iż-żmien kollu li l-Mulej Ġesù għex fostna ibda
mill-magħmudija ta’ Ġwanni sal-jum li fih kien meħud minn
magħna ikun ukoll jixhed magħna għall-qawmien tiegħu
mill-imwiet.”
Imbagħad
ressqu tnejn: Ġużeppi, imsejjaħ Barsâba u mlaqqam ukoll
Ġustu, u Mattija. U talbu hekk: “Mulej, int li tagħraf qlub
kulħadd, uri liema wieħed minn dawn it-tnejn int għażilt
biex jieħu l-post ta’ dan il-misteru u tal-appostolat, li ħalla
Ġuda biex imur fejn kellu jmur.”
Imbagħad
tefgħu x-xorti, li waqgħet fuq Mattija. Dan ħa post
mal-ħdax-il appostlu l-oħra.
Il-Kelma tal-Mulej.
R/. Irroddu ħajr lil Alla.
Salm Responsorjali
112, 1-8
R/. Il-Mulej
qiegħdu mal-kbarat tal-poplu tiegħu!
Faħħru, qaddejja tal-Mulej,
faħħru isem il-Mulej.
Ikun imbierek isem il-Mulej,
minn issa u għal dejjem. R/.
Minn tlugħ ix-xemx sa nżulha
jkun imfaħħar isem il-Mulej.
Għoli fuq il-ġnus kollha l-Mulej,
is-sebħ tiegħu ’l fuq mis-smewwiet. R/.
Min hu bħall-Mulej, Alla tagħna,
li qiegħed fil-għoli?
Hu li ’l isfel iħares
fuq is-smewwiet u fuq l-art. R/.
Hu jqajjem mit-trab l-imsejken,
u jerfa’ l-fqir mill-miżbla,
biex mal-kbarat iqiegħdu,
mal-kbarat tal-poplu tiegħu. R/.
Akklamazzjoni
għall-Evanġelju
R/. Hallelujah
Jiena għażiltkom, u
ħtartkom
biex tmorru tagħmlu l-frott
u l-frott tagħkom jibqa’,
jgħid il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Ġw 15:9-17
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien: Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Kif
ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl-imħabba
tiegħi. Jekk tħarsu l-kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi
mħabbti, kif jien ħarist il-kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed
fi mħabbtu.
Għidtilkom dan biex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex
il-ferħ tagħkom ikun fil-milja tiegħu. Dan hu l-kmandament
tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma
għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu
għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena
nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx
x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kulma smajt
mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu
lili, iżda jien għażilt lilkom u ħtartkom biex tmorru
tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu
lill-Missier f’ismi huwa jagħtihulkom. Dan hu li jiena qiegħed
nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.”
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu.