L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Il-Mulej ftakar f’Anna u wildet iben u semmietu Samwel.

1 Sam 1, 9-20

 

Qari mill-Ewwel Ktieb ta’ Samwel

 

F’dak iż-żmien, Anna qamet u marret quddiem il-Mulej, u l-qassis Għeli kien bilqiegħda fuq is-siġġu ħdejn it-tarġa tal-bieb tat-tempju tal-Mulej. Anna kellha qalbha kollha mrar, u bdiet titlob lill-Mulej, u tibki ħafna. Għamlet wegħda u qalet: “Mulej tal-eżerċti, jekk inti tħares lejn l-hemm tal-qaddejja tiegħek u tiftakar fija, u ma twarrabx il-qaddejja tiegħek, u tagħtiha tifel, hija tagħtih lill-Mulej il-jiem kollha ta’ ħajtu, u minn fuq rasu ma jgħaddix il-mus”.

 

Damet titlob ħafna quddiem il-Mulej, u Għeli kien qiegħed iħares lejn fommha. Anna kienet titkellem f’qalbha; xufftejha biss kienu jitħarrku, u leħinha ma jinstamax. Għalhekk Għeli ħasibha fis-sakra u qalilha: “Kemm se ddum fis-sakra? Eħles mill-inbid li għandek fuqek”.

 

Anna wieġbet: “Le, sidi, jiena mara b’qalbha muġugħa, u ma xrobt la nbid u lanqas xorb ieħor li jsakkar, imma qiegħda niftaħ qalbi quddiem il-Mulej. La tqisx il-qaddejja tiegħek b’mara ħażina; s’issa tkellimt mill-kotra ta’ hemmi u n-niket tiegħi”. Għeli wieġeb: “Mur bis-sliem. Alla ta’ Iżrael sama’ t-talba tiegħek, u jagħtik kulma tlabtu”. U hi wieġbet: “Jalla l-qaddejja tiegħek issib ħniena f’għajnejk”. Il-mara qabdet triqtha, kielet, u wiċċha ma baqax bħal qabel.

 

L-għada filgħodu bakkru u marru jaduraw il-Mulej, u telqu lura lejn darhom f’Rama. Imbagħad Elkana għaraf ’il martu, u l-Mulej ftakar fiha. U tqalet, u meta wasal żmienha wildet iben u semmietu Samwel “għaliex”, kif qalet hi, “tlabtu lill-Mulej”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd

 

R/. (1a): Ferħet qalbi bil-Mulej

 

Ferħet qalbi bil-Mulej;

irtefgħet rasi fil-Mulej;

iddieħak fommi bl-għedewwa tiegħi,

għax fraħt bis-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Tkisser il-qaws tal-qawwijin,

u d-dgħajfin tħażżmu bil-ħila.

L-imxebbgħin bil-ħobż inkrew,

u ma baqgħux jitħabtu l-imġewħin.

Il-mara bla tfal wildet sebgħa,

u dbielet il-mara b’ħafna tfal. R/.

 

Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja,

iniżżel fl-imwiet u jtalla’.

Il-Mulej ifaqqar u jagħti l-ġid,

ibaxxi u jgħolli wkoll. R/.

 

Iqajjem mit-trab lill-imsejken

u l-fqajjar jerfgħu mill-miżbla,

u jqegħedhom mal-kbarat,

biex jirtu tron ta’ ġieħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 1 Tess 2, 13

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ilqgħu l-Kelma ta’ Alla mhux bħala kelma ta’ bniedem,

iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew hi.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ġesù beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa.

Mk 1, 21b-28

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

 

F’dak iż-żmien, Ġesù, f’jum is-Sibt, daħal fis-sinagoga ta Kafarnahum u qagħad jgħallem. In-nies baqgħu mistagħġbin bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa, u mhux bħall-kittieba. Mela jkun hemm fis-sinagoga tagħhom raġel bi spirtu ħażin u qabad jgħajjat u jgħid: “Aħna x’għandna x’naqsmu, Ġesù ta’ Nazaret? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: Il-Qaddis ta’ Alla!”. Imma Ġesù kkmandah: “Iskot u oħroġ minnu!” Imbagħad l-ispirtu ħażin lir-raġel beda jħabbtu ħafna, għajjat għajta kbira u ħareġ minnu.

 

U lkoll stagħġbu, u bdew jistaqsu lil xulxin u jgħidu: “Dan x’inhu? X’tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa! Sa lill-ispirti ħżiena jikkmanda, u huma joqogħdu għalih!”. U l-fama tiegħu malajr xterdet mal-inħawi kollha tal-Galilija.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu