It-Tlieta u Tletin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Għalikom titla’ x-xemx tal-ġustizzja.

Mal 3:19-20a

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Malakija

 

Ara, jiġi l-Jum, jaqbad qisu forn, u l-kburin kollha u dawk kollha li jagħmlu l-ħażen ikunu tiben, u l-jum li ġej għad jaħraqhom, jgħid il-Mulej tal-eżerċti: hekk li ma jħallilhom la għerq u lanqas fergħa. Imma għalikom li tibżgħu minn ismi titla’ x-xemx tal-ġustizzja, bis-salvazzjoni fuq ġwenħajha.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Salm Responsorjali

Salm 97(98):5-6,7-8,9a,9bċ

 

R/.(ara 9): Il-Mulej jagħmel ħaqq mill-popli.

 

Għannu lill-Mulej biċ-ċetra,

biċ-ċetra u bil-ħlewwa tal-għana,

bit-trombi u bid-daqq tat-trumbetti;

għajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej is-sultan! R/.

 

Ħa jriegħed il-baħar u kulma fih,

id-dinja u kulma jgħammar fiha.

Ħa jċapċpu x-xmajjar idejhom,

u l-muntanji flimkien jgħajtu bil-ferħ quddiem il-Mulej. R/.

 

Għax il-Mulej ġej

biex jagħmel ħaqq mill-art;

hu jagħmel ħaqq mid-dinja bil-ġustizzja,

u mill-popli bis-sewwa. R/.

 

Qari II

Jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol.

2 Tess 3:7-12

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lit-Tessalonikin

 

Ħuti, intom stess tafu kif jeħtieġ li timxu fuq l-eżempju tagħna. Aħna ma tgħażżinniex meta konna fostkom; il-ħobż li kilna, ħadd ma tahulna b’xejn; imma lejl u nhar ħdimna u tħabatna u batejna biex ma nkunu ta’ piż għal ħadd minnkom. Imxejna hekk mhux għax ma għandniex dritt li żżommuna intom, imma ridna nagħtukom eżempju biex timxu fuqu. Meta konna fostkom aħna ordnajnielkom li jekk xi ħadd ma jridx jaħdem, dan anqas ma għandu jiekol. Issa aħna smajna li hemm xi wħud fostkom li qegħdin jitgħażżnu; mhumiex jaħdmu, imma qed jinħlew fix-xejn. Lil dawn in-nies nordnawlhom u nwissuhom, f’isem il-Mulej Ġesù Kristu, biex jaħdmu sewwa u għajxienhom jaqilgħuh.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Irroddu ħajr lil Alla.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 21:28

 

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,

għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.

R/. Hallelujah.

 

Evanġelju

Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom.

Lq 21:5-19

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, kien hemm xi wħud li bdew jgħidu fuq kemm it-tempju kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet; iżda Ġesù qalilhom: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx”. U huma staqsewh u qalulu: “Mgħallem, issa dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?”. Qalilhom: “Araw li ma titqarrqux. Għax għad jiġu ħafna f’ismi u jgħidu: Jien hu, u: Iż-żmien wasal. Tmorrux warajhom! Meta tisimgħu min jitkellem fuq gwerer u taqlib fil-pajjiżi, tinħasdux, għax jeħtieġ li l-ewwel jiġri dan, iżda t-tmiem ma jasalx minnufih”.

 

Imbagħad qalilhom: “Għad iqum ġens kontra ġens u saltna kontra saltna, l-art titheżżeż bil-kbir, f’ħafna bnadi jkun hemm il-ġuħ u mard li jittieħed, u fis-sema jidhru ħwejjeġ tal-biża’ u sinjali tal-għaġeb. Imma qabel dan kollu jixħtu jdejhom fuqkom u jippersegwitawkom, jagħtukom f’idejn il-mexxejja tas-sinagoga u jitfgħukom il-ħabs, u jeħdukom quddiem slaten u gvernaturi minħabba f’ismi. Dan ikun jiswielkom biex tistgħu tagħtu xhieda. U żommu sewwa f’moħħkom: toqogħdux taħsbu minn qabel kif se tiddefendu ruħkom, għax jien nagħtikom kliem u għerf li kull min ikun kontra tagħkom ma jkunx jista’ jiqaflu jew imerih.

 

U jittradukom saħansitra l-ġenituri tagħkom u ħutkom u qrabatkom u ħbiebkom, u lil xi wħud minnkom joqtluhom, u kulħadd isir jobgħodkom minħabba f’ismi. Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx. Jekk tibqgħu sħaħ sal-aħħar issalvaw ħajjitkom!”.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

R/. Tifħir lilek, Kristu.