It-Tnejn u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Is-Sibt

 

Qari I

Il-Baħar l-Aħmar sar triq bla tfixkil, u kienu qishom ħrief jaqbżu waqt li kienu jfaħħruk.

Għerf 18, 14-16; 19, 6-9

 

Qari mill-Ktieb tal-Għerf

 

Waqt li ħemda ta’ kwiet kienet taħkem fuq kollox,

u l-lejl kien jaqbeż nofs il-mixja tiegħu,

il-kelma setgħana tiegħek mit-tron tas-sultan tas-sema,

niżlet bħal ġellied qalil, f’nofs dik l-art misħuta,

bix-xabla misnuna tad-digriet tiegħek li dejjem sod.

Kif waslet, kullimkien imliet bl-imwiet;

kienet għadha tmiss mas-sema, hi u miexja fuq l-art.

 

Il-ħolqien kollu b’kulma fih sar mill-ġdid,

biex waqt li joqgħod bil-qima għall-ordnijiet tiegħek,

l-ebda ħsara ma ssir lil uliedek.

Sħaba tefgħet dell fuq il-kamp tagħhom,

art niexfa dehret ħierġa minn fejn qabel kien hemm l-ilma,

triq bla tfixkil minn ġol-Baħar l-Aħmar,

u art tħaddar flok ilmijiet qawwija.

Minn hemm għadda l-poplu kollu taħt kenn idek,

wara li ra għemejjel tal-għaġeb.

Kienu qishom żwiemel jirgħu

u ħrief jaqbżu

waqt li kienu jfaħħruk, Mulej, li ħlisthom.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 104 (105), 2-3.36-37.42-43

 

R/. (5a): Ftakru fil-ħwejjeġ kbar li għamel il-Mulej

 

Għannulu u doqqulu,

xandru l-għeġubijiet tiegħu kollha.

Ftaħru bl-isem qaddis tiegħu;

tifraħ il-qalb ta’ dawk li jfittxu l-Mulej. R/.

 

Qatel l-ulied il-kbar kollha ta’ arthom,

l-ewwel frott tas-saħħa tagħhom.

Ħariġhom mgħobbija bil-fidda u d-deheb,

ħadd ma kien għajjien fit-tribù tagħhom. R/.

 

Għax ftakar fil-kelma qaddisa tiegħu,

u f’Abraham, il-qaddej tiegħu.

U ħareġ bil-ferħ lill-poplu tiegħu,

b’għajjat ta’ ferħ. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara 2 Tess 2, 14

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Alla sejħilkom permezz tal-Evanġelju,

biex ikollkom sehem fil-glorja ta’ Ġesù Kristu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Alla jagħmel ħaqq lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar.

Lq 18, 1-8

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qal parabbola lid-dixxipli tiegħu biex jurihom li għandhom dejjem jitolbu bla ma jaqtgħu. Qalilhom: “Kien hemm f’belt wieħed imħallef, li la kien jibżaminn Alla u lanqas iħabbel rasu minn ħadd. F’dik il-belt kien hemm waħda armla, u kienet tmur għandu u tgħidlu: “Agħmilli ħaqq kontra l-għadu tiegħi”.

 

Hu ma riedx, u dam ħafna hekk; iżda mbagħad bejnu u bejn ruħu qal: “Mhux għax nibżaminn Alla jew għax se nħabbel rasi min-nies, imma għallinqas għax din l-armla dejqitni; ħa nagħmlilha ħaqq, biex ma tibqax ġejja u sejra sa ma tifnini””.

 

U l-Mulej qal: “Isimgħu ftit x’jgħid l-imħallef il-ħażin. Imbagħad Alla, lill-magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar, sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq? Se joqgħod itawwal magħhom? Jiena ngħidilkom li malajr jagħmlilhom ħaqq. Imma taħsbu intom li Bin il-bniedem se jsib il-fidi fuq l-art meta jiġi?.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu