L-Erbgħa u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu.

1 Kor 12, 12-14.27-31a

 

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

 

Ħuti, bħalma l-ġisem hu wieħed u fih ħafna membri, u l-membri kollha tal-ġisem, għad li huma ħafna, jagħmlu ġisem wieħed, hekk ukoll Kristu. Għax aħna wkoll, ilkoll tgħammidna fi Spirtu wieħed biex nagħmlu ġisem wieħed, sew Lhud sew Griegi, sew ilsiera sew ħielsa, u lkoll xrobna minn Spirtu wieħed. Issa l-ġisem mhuwiex membru wieħed, imma magħmul minn ħafna membri. Intom il-ġisem ta’ Kristu, u kull wieħed minnkom membru tiegħu. Lil xi wħud Alla qegħedhom fil-Knisja fl-ewwel post bħala appostli, it-tieni bħala profeti, it-tielet bħala għalliema. Imbagħad id-don tal-mirakli, imbagħad id-don tal-fejqan, l-għajnuna, it-treġija, u d-don ta’ ilsna diversi. Jaqaw ilkoll appostli? Ilkoll profeti? Ilkoll għalliema? Ilkoll bid-don tal-mirakli? Ilkoll għandhom id-don tal-fejqan? Ilkoll jitkellmu bl-ilsna? Ilkoll ifissru? 31Intom ħabirku għal doni ogħla.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 100 (101) 1-2ab.2ċd-3ab.5.6

 

R/. (3ċ): Aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu

 

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej, nies kollha tal-art,

aqdu bil-ferħ lill-Mulej,

idħlu quddiemu b’għana ferrieħi. R/.

 

Kunu afu li Jaħweh hu Alla,

hu ħalaqna, u aħna tiegħu,

aħna l-poplu tiegħu u n-nagħaġ tal-mergħa tiegħu. R/.

 

Idħlu b’għana ta’ ħajr mill-bibien tiegħu,

bit-tifħir fil-btieħi tat-tempju tiegħu;

roddulu ħajr u bierku ismu! R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Lq 7, 16

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Profeta kbir qam fostna,

u, Alla żar il-poplu tiegħu.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!

Lq 7, 11-17

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

 

F’dak iż-żmien, Ġesù mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies. Kif wasal qrib il-bieb tal-belt, kienu qegħdin iġorru wieħed mejjet li ommu, mara armla, ma kellhiex ħliefu; u magħha kien hemm għadd ġmielu ta’ nies mill-belt. Kif raha l-Mulej tħassarha u qalilha: “Tibkix!”. Resaq, u mess it-tebut. Dawk li kienu qegħdin jerfgħuh waqfu. U hu qal: “Żagħżugħ, qiegħed ngħidlek, qum!”. U l-mejjet qam bilqiegħda u beda jitkellem. U Ġesù tah lil ommu. In-nies kollha tkexkxu bil-biża’, u bdew jagħtu glorja lil Alla u jgħidu: “Profeta kbir qam fostna”, u: “Alla żar il-poplu tiegħu”. U dan il-kliem li qalu xtered mal-Lhudija u dawk l-inħawi kollha.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu