L-Erbgħa u Għoxrin Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

 

Qari I

Aħfer il-proxxmu dnubietu, u mbagħad dnubietek jinħafrulek.

Sir 27, 30 – 28, 7

 

Qari mill-Ktieb ta’ Bin Sirak

 

Għadab u qilla, dawn ukoll ta’ min jistmerrhom,

u l-bniedem midneb mimli bihom.

 

Min ifittex jitħallas b’idejh, isib ħlasu mingħand il-Mulej,

li jifli sewwa dnubietu.

Aħfer il-proxxmu dnubietu,

u mbagħad titlob u dnubietek jinħafrulek.

Bniedem irawwem għadab għal ieħor,

u mbagħad se jfittex fejqan mingħand il-Mulej?

Minn bniedem bħalu m’għandux ħniena,

u mbagħad se jitlob għal dnubietu?

Jekk bniedem jibqa’ mgħaddab,

min se jpattilu għal dnubietu?

Ftakar fl-aħħar ta’ ħajtek, u ieqaf mill-mibegħda;

ftakar fit-taħsir u l-mewt,

u oqgħod għall-kmandamenti.

Ftakar fil-kmandamenti u tobgħodx il-proxxmu;

ftakar fil-patt tal-Għoli u agħlaq għajnejk għall-offiża.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 102 (103), 1-2.3-4.9-10.11-12

 

R/. (8): Ħanin u twajjeb il-Mulej

 

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej!

B’qalbi kollha nbierek l-isem qaddis tiegħu.

Bierek, ruħ tiegħi, il-Mulej,

u la tinsiex il-ġid kollu li għamel miegħek. R/.

 

Hu jaħfer dnubietek kollha;

ifejjaq il-mard tiegħek kollu;

jifdi lil ħajtek mill-qabar;

iħaddnek bit-tjieba u l-ħniena. R/.

 

Ma joqgħodx jitlewwem magħna,

u anqas jinkorla għal dejjem.

Ma mexiex magħna skond ma ħaqqhom ħtijietna;

ma ħallasniex skond ma ħaqqha ħżunitna. R/.

 

Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,

hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu;

daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,

hekk hu jbiegħed minna ħtijietna. R/.

 

Qari II

Sew jekk ngħixu, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej.

Rum 14, 7-9

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani

 

Ħuti, ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu, ngħixu għall-Mulej; jekk immutu, immutu għall-Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, sew jekk immutu, aħna tal-Mulej. Kristu għalhekk miet u rxoxta, biex ikun Sid kemm tal-ħajjin u kemm tal-mejtin.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Ġw 13, 34

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Nagħtikom kmandament ġdid, jgħid il-Mulej;

li tħobbu lil xulxin bħalma ħabbejtkom jien.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma ngħidlekx taħfer sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba.

Mt 18, 21-35

 

Qari mill-Evanġelju skond San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. Wieġbu Ġesù: Ma ngħidlekx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn irroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kull ma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn.

 

Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija, kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

 

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek,” qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kull ma kellu jagħtih.

 

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kull ma kien ġara.

 

Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kull ma kellu jagħti.

 

Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu