Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa
Qari I
Jien ħadt lil missierkom Abraham min-naħa l-oħra tax-xmara; u mbagħad ħriġtkom mill-Eġittu;
u tajtkom l-art.
Ġożwè 24, 1-13
Qari mill-Ktieb ta’ Ġożwè
F’dak iż-żmien, Ġożwè
ġema’
t-tribujiet kollha
ta’ Iżrael f’Sikem u sejjaħ lix-xjuħ, lill-kapijiet, lill-imħallfin, lill-uffiċjali
u resqu quddiem Alla. U Ġożwè
qal lill-poplu kollu: “Dan qal il-Mulej Alla ta’ Iżrael: “Missirijietkom, Teraħ missier Abraham u missier Naħor, sa
minn żmien il-qedem kienu jgħammru n-naħa l-oħra tax-xmara u jaqdu allat oħra. Jien
ħadt lil missierkom Abraham min-naħa
l-oħra tax-xmara u għaddejtu mill-art kollha ta’ Kangħan u kattartlu nislu, u tajtu lil Iżakk. Lil Iżakk tajtu
’l Ġakobb u ’l Għesaw;
u lil Għesaw tajtu l-muntanja ta’ Xegħir biex tkun tiegħu;
u Ġakobb u wliedu niżlu l-Eġittu.
U bgħatt lil Mosè u lil Aron u drabt lill-Eġittu b’kulma għamiltlu f’nofsu, u mbagħad
ħriġtkom minn hemm, u ħriġt lil missirijietkom mill-Eġittu, u wassaltkom
sa ħdejn il-baħar, u l-Eġizzjani
għamlu għal wara missirijietkom
bil-karrijiet u ż-żwiemel
sal-Baħar tal-Qasab.
U għajtu lill-Mulej,
u l-Mulej tafa’ dlam bejnkom u bejn l-Eġizzjani, u ġibt fuqhom il-baħar li għattiehom. Rajtu b’għajnejkom x’għamilt fl-Eġittu. Imbagħad intom domtu żmien twil fid-deżert.
Wassaltkom fl-art tal-Amurrin, li kienu jgħixu n-naħa l-oħra tal-Ġordan, u dawn ħabtu għalikom, u jien erħejthom f’idejkom u writtu arthom, u jiena qridthom minn quddiemkom.
Qam Balak bin Siffur, sultan ta’ Mowab, u ħabat għal Iżrael, u bagħat isejjaħ lil Bagħlam bin Begħor biex jisħetkom. Imma jien ma ridtx nisma’
lil Bagħlam u kellu jberikkom u ħlistkom minn idejh. U intom qsamtu l-Ġordan u ġejtu sa Ġeriko,
u ħabtu għalikom
in-nies ta’ Ġeriko, l-Amurrin,
il-Periżżin, il-Kangħanin,
il-Ħittin, il-Ġirgasin, il-Ħiwwin u
l-Ġebusin, u rħejthom
f’idejkom. U bgħatt quddiemkom iż-żnażan, u dawn, u mhux
ix-xabla jew
il-qaws tiegħek, keċċewhom minn quddiemkom, lilhom u ż-żewġ slaten tal-Amurrin.
U tajtkom art li qatt
ma ħdimtu, u bliet li qatt ma bnejtu, u għammartu fihom; kiltu mill-oqsma tad-dwieli u taż-żebbuġ li intom ma ħawwiltux”.“
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 135 (136), 1-3.16-18.21-22 u 24
R/. (1a): Għax għal
dejjem it-tieba tiegħu
Roddu ħajr lill-Mulej, għax hu tajjeb,
roddu ħajr lil Alla
fuq l-allat,
roddu ħajr lis-Sid tas-sidien. R/.
Hu mexxa fid-deżert
il-poplu tiegħu,
xejjen slaten qawwija,
qered slaten kbar. R/.
U l-art tagħhom qassamha
b’wirt,
b’wirt lil Iżrael, qaddej tiegħu.
Ħelisna mill-għedewwa tagħna. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara 1 Tess 2, 13
Hallelujah. R/. Hallelujah
Il-kelma ta’ Alla lqajtuha mhux bħala
kelma ta’ bniedem,
iżda bħala kelma ta’ Alla, kif tassew
hi.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Kien minħabba
l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess
tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx
hekk mill-bidu.
Mt 19, 3-12
Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, resqu fuq Ġesù xi Fariżej biex iġarrbuh, u qalulu: “Jista’ wieħed jitlaq lil martu
fuq xi ħaġa, tkun xi tkun?”. Iżda hu
qalilhom: “Ma qrajtux li sa mill-bidu l-Ħallieq għamilhom raġel u mara, u qal: “Minħabba
f’hekk raġel iħalli lil missieru u ’l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ġisem wieħed?”. Għalhekk mhumiex iżjed tnejn, imma ġisem
wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.
Qalulu: “Mela allura għaliex
ordna Mosè li żewġha jagħtiha l-kitba tad-divorzju u jibgħatha?”. Qalilhom: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk
mill-bidu. U ngħidilkom, li min jibgħat
lil martu – barra l-każ ta’ żwieġ ħażin – u jiżżewweġ oħra
jkun ħati ta’ adulterju”.
Qalulu d-dixxipli: “Mela ladarba din hi l-kondizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ”. Iżda hu
qalilhom: “Mhux kulħadd jifhimha din il-ħaġa, imma dawk li lilhom jingħata li jifhmuha. Hemm ewnuki li jitwieldu hekk minn ġuf ommhom,
oħrajn jagħmluhom
hekk in-nies, u hemm oħrajn li jsiru hekk
minn rajhom minħabba s-Saltna tas-Smewwiet. Min jista’ jifhem, jifhem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu