Id-Dsatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Il-Ħamis

 

Qari I

Itlaq binhar quddiemhom għall-eżilju.

Eżek 12, 1-12

 

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

 

F’dak iż-żmien, 1ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli: O bniedem, int qiegħed ma’ nies ta’ rashom iebsa; għandhom l-għajnejn biex jaraw, imma ma jarawx; għandhom il-widnejn biex jisimgħu, imma ma jisimgħux; għax huma nies ta’ rashom iebsa. Issa int, o bniedem, ħu miegħek kulma jeħtieġlu wieħed eżiljat, u itlaq binhar quddiemhom; tbiegħed minn fejn int, u quddiemhom stess itlaq lejn post ieħor. Għandhom mnejn jintebħu li huma nies ta’ ras iebsa. Ħejji binhar quddiemhom il-meħtieġ tiegħek, qisu l-meħtieġ ta’ min sejjer fl-eżilju, u filgħaxija oħroġ quddiemhom bħal wieħed ħiereġ għall-eżilju. Ħaffer toqba fil-ħajt quddiemhom u oħroġ minnha. Ġorr kollox fuq spallejk quddiemhom u oħroġ fid-dlam; għatti wiċċek biex ma tarax l-art. Għax jien għamiltek sinjal għad-dar ta’ Iżrael”.

 

Jiena għamilt kif ordnali l-Mulej, u binhar ħejjejt il-meħtieġ tiegħi, qisu l-meħtieġ ta’ min sejjer fl-eżilju; fil-għaxija ħaffirt toqba fil-ħajt b’idi stess, u mbagħad ħriġt quddiemhom fid-dlam, bis-sorra fuq spallejja.

 

L-għada fil-għodu l-Mulej kellimni u qalli: O bniedem, dawn in-nies ta’ rashom iebsa ta’ dar Iżrael ma staqsewkx x’inti tagħmel? Mela għidilhom: Hekk jgħid il-Mulej: Kontra l-prinċep li hemm Ġerusalemm hi din is-sentenza, u kontra d-dar kollha ta’ Iżrael li tinsab fiha. Għidilhom: Jiena sinjal għalikom. Kif għamilt jien, hekk għad jagħmlu lilkom; fit-turufnament u l-eżilju għad tmorru. U l-prinċep li hemm fosthom għad jerfa’ s-sorra tiegħu fuq spallejh fid-dlam, u jħaffer toqba fil-ħajt biex joħroġ minnha, u jgħatti wiċċu biex ma jkunx jista’ jara l-art b’għajnejh”.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 77 (78), 56-57.58-59.61-62

 

R/. (ara 7ċ): Ma ninsewx l-għemejjel ta’ Alla

 

Ġarrbu u kiddu lil Alla l-Għoli,

ma ħarsux il-kmandamenti tiegħu.

Reġgħu lura u naqsu bħal missirijiethom,

għawġu triqthom bħal ark li jqarraq bik. R/.

 

Regħxuh fuq l-għoljiet tagħhom,

kebbsulu l-għejra bl-idoli tagħhom.

Sama’ b’dan Alla, u nxtegħel bl-għadab,

u warrab għalkollox lil Iżrael. R/.

 

Ħalla f’idejn l-għadu l-arka tiegħu,

fejn kien hemm il-qawwa u l-glorja tiegħu.

Telaq għas-sejf il-poplu tiegħu,

ħadha bl-aħrax kontra wirtu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Salm 118 (119), 135

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ħa jiddi wiċċek fuq il-qaddej tiegħek,

għallimni l-kmandamenti tiegħek.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet imma sa sebgħa u sebgħin darba.

Mt 18, 21 – 19, 1

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Pietru resaq lejn Ġesù u qallu: “Mulej, xi kemm-il darba jrid jonqosni ħija biex jiena naħfirlu? Sa seba’ darbiet?”. U Ġesù wieġbu: “Ma ngħidlikx sa seba’ darbiet, imma sa sebgħa u sebgħin darba. Għalhekk is-Saltna tas-Smewwiet nistgħu nxebbhuha ma’ wieħed sultan, li ried jagħmel il-kontijiet mal-qaddejja tiegħu. Kif beda jagħmel dan, ħadulu quddiemu wieħed li kellu jagħtih għaxart elef talent. Billi ma kellux minn fejn iroddhomlu, is-sinjur ordna li jinbiegħu hu, martu, uliedu u kulma kellu, ħalli b’hekk jitħallas id-dejn. Imma l-qaddej inxteħet quddiemu jitolbu u jgħidlu: “Sinjur, stabar ftit bija; kollox irroddlok”. Is-sinjur ġietu ħasra minn dak il-qaddej, bagħtu u ħafirlu dejnu.

 

Mela dak il-qaddej joħroġ, u jiltaqa’ ma’ wieħed minn sħabu, li kellu jagħtih mitt dinar; qabdu minn għonqu u beda jagħfsu. “Ħallas dejnek”, qallu. Il-qaddej sieħbu nxteħet quddiemu jitolbu bil-ħniena u jgħidlu: “Stabar ftit bija u rroddlok”. Imma dak ma riedx jaf, mar u xeħtu l-ħabs sa ma jrodd kulma kellu jagħtih.

 

Sħabu l-qaddejja raw il-ġrajja kollha u sewdu qalbhom ħafna; marru għand is-sinjur tagħhom u tarrfulu kulma kien ġara. Imbagħad is-sinjur bagħat għalih u qallu: “Ja qaddej ħażin, meta jiena ħfirtlek dak id-dejn kollu wara li tlabtni bil-ħniena, ma kienx imissek int ukoll tħenn għal sieħbek kif ħennejt jien għalik?”. U saħan bl-aħrax is-sinjur għalih, u tah f’idejn min jaħqru sa ma jrodd kulma kellu jagħti. Hekk jagħmel lilkom Missieri li hu fis-Smewwiet jekk ma taħfrux lil xulxin minn qalbkom”.

 

Kif temm dan id-diskors, Ġesù telaq mill-Galilija u mar il-Lhudija, fl-inħawi ’l hemm mill-Ġordan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu