Il-Ħmistax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

It-Tlieta

 

Qari I

Semmietu Mosè għax salvatu mill-ilma. Mosè, meta kiber, mar ħdejn ħutu.

Eżodu 2, 1-15a

 

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

 

F’dak iż-żmien, kien hemm raġel mit-tribù ta’ Levi, li ħa b’martu lil waħda min-nisel ta’ Levi. Il-mara tqalet u wildet iben; billi rat li kien tifel sabiħ, żammitu moħbi għal tliet xhur. Meta ma setgħetx taħbih aktar, ħadet qoffa tal-papiru, dilkitha bil-qatran u ż-żift, qiegħdet it-tifel fiha, u qegħditha qalb is-simar f’xatt ix-xmara Nil. Oħtu qagħdet ftitil bogħod biex tara x’se jiġrilu.

 

Niżlet bint il-Fargħun biex tgħum fin-Nil, waqt li l-qaddejja tagħha kienu jitlajjaw fuq xatt ix-xmara. Hi lemħet il-qoffa f’nofs is-simar, u bagħtet qaddejja ġġibhielha. Malli fetħitha, rat it-tarbija; u t-tifel kien qiegħed jibki. Tħassritu u qalet: “Dan hu wieħed minn ulied l-Għebrej”. U oħt it-tarbija qalet lil bint il-Fargħun: “Tridx immur insejjaħlek waħda mill-imreddgħa tal-Għebrej biex treddagħlek it-tarbija?”. U bint il-Fargħun wieġbet: “Mur!” U x-xbejba marret u sejħet lil omm it-tarbija. U qaltilha bint il-Fargħun: “Ħu ’l din it-tarbija u reddagħhieli, u jiena nħallsek kemm ikun ħaqqek”. U l-mara ħadet it-tarbija u reddgħetha.

 

Meta t-tifel kiber, ħaditu għand bint il-Fargħun, li kienet tqisu tagħha, u semmietu Mosè, għax qalet: “Salvajtu mill-ilma!.

 

Darba waħda Mosè, meta kiber, mar ħdejn ħutu u ra x-xogħol iebes tagħhom, u lemaħ lil wieħed Eġizzjan isawwat lil wieħed mill-Għebrej ħutu. Dar u ħares madwaru, ra li ma kien hemm ħadd, qatel l-Eġizzjan, u difnu fir-ramel.

 

L-għada raġaħareġ u ra żewġt irġiel Għebrej jiġġieldu; u qal lill-ħati: “Għala qiegħed taħbat għal sieħbek?”. U dan wieġbu: “Min qiegħdek kap u mħallef fuqna? Jaqaw trid toqtolni bħalma qtilt l-Eġizzjan?”. Mosè beża’ u qal: “Mela jafu b’din il-ħaġa”. Malli l-Fargħun sama b’dan, fittex lil Mosè biex joqtlu; imma Mosè ħarab u mar fl-art ta’ Midjan.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

 

Salm Responsorjali

Salm 68 (69), 3.14.30-31.33-34

 

R/. (33): Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla

 

Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond;

ma hemmx fejn inserraħ riġlejja.

Sibt ruħi f’ilma għoli;

il-mewġ qed ikaxkarni. R/.

 

Imma jien lilek nitlob, Mulej;

meta jogħġbok, o Alla, weġibni,

fil-kobor ta’ tjubitek

u skont il-wegħda tas-salvazzjoni tiegħek. R/.

 

Imma jiena msejken u batut;

terfagħni, o Alla, is-salvazzjoni tiegħek!

Infaħħar l-isem ta’ Alla bl-għana,

inkabbru b’għana ta’ radd il-ħajr. R/.

 

Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;

u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.

Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,

ma jistmellx l-imjassrin tiegħu. R/.

 

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Salm 94 (95), 8ab

 

Hallelujah. R/. Hallelujah

Illum la twebbsux qalbkom

iżda isimgħu leħen il-Mulej.

R/. Hallelujah

 

Evanġelju

Jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon u għall-art ta’ Sodoma milli għalikom.

Mt 11, 20-24

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

 

F’dak iż-żmien, Ġesù qabad iċanfar bis-sħiħ l-ibliet li ma wrewx indiema minkejja l-ħafna mirakli li kien għamel fihom: Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li wrew indiema bl-ilbies tal-ixkejjer u l-irmied. Iżda ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom.

 

U int, Kafarnahum, taħseb li se titgħolla sas-sema? Sal-qiegħ nett għad tinxteħet! Għax kieku l-mirakli li saru fik saru f’Sodoma, kieku għadha wieqfa sal-lum. Imma ngħidilkom li jum il-ħaqq se jkun eħfef għall-art ta’ Sodoma milli għalik!.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu